Lokali

“L-Indipendenza qed issejħilna biex inkunu parti mill-bidla” – Michael Piccinino

Stedina lil kulħadd biex inkunu parti minn din il-bidla biex Malta taqbad it-triq it-tajba li tant hemm bżonn.

“Dawn il-festi tal-Indipendenza għandhom iwasslu messaġġ ċar biex kull wieħed u waħda minna jkunu parti mill-bidla li għandu bżonn pajjiżna biex hekk ma jibqax għaddej fir-rotta ħażina li qabad grazzi għall-politika żbaljata tal-Gvern preżenti.


“Għalhekk għada kulħadd hu mistieden biex jirreġistra ħalli jkun preżenti għall-attività li l-Partit Nazzjonalista se jorganizza Fuq il-Fosos tal-Furjana fejn il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech se jkun qed iwassal il-messaġġ tiegħu biex pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi, imma għall-ġid ta’ pajjiżna wkoll.”


Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, qal dan f’kummenti ma’ Il-Mument dwar is-sinifikat ta’ dawn il-festi tal-Indipendenza u l-attivitajiet organizzati mill-Partit Nazzjonalista u li għalihom hu mistieden kull min għandu għal qalbu l-veru ġid ta’ pajjiżna.


Il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista hu biex kulħadd ikun parti mill-bidla u biex flimkien, f’mixja kollettiva, kulħadd jipparteċipa bl-ideat u bis-suġġerimenti tiegħu ħalli pajjiżna tassew jaqbad it-triq it-tajba li tant għandu bżonn.


“Filwaqt li kulħadd jaqbel li l-Indipendenza hi sinifikattiva fiha nnifisha, nemmen li anki llum din fiha r-rilevanza qawwija tagħha. Barra minn hekk, dawn huma l-aħħar festi tal-Indipendenza qabel l-Elezzjoni Ġenerali u għalhekk tkompli tixprunana ħalli naħdmu aktar biex f’pajjiżna tinkiseb il-bidla li tant hemm bżonn,” fisser Michael Piccinino.


Mistoqsi dwar kif il-ftit qed jirnexxilhom jagħmlu ħsara kbira lil pajjiżna, Michael Piccinino qal li hu jemmen li Malta għandha tkun tagħna lkoll u allura pajjiżna jrid jeħles mill-mentalità li daħħal il-Gvern preżenti fejn il-ftit igawdu fuq li jgawdu a spejjeż tal-kumplament tal-pajjiż.


Hemm bżonn nibdew inwettqu politika fejn kull inizjattiva u proġett li jsir, dawn isiru għall-veru ġid ta’ pajjiżna; ikunu inizjattivi u proġetti li tassew ikunu ta’ ġid għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. U mhux biex igawdu erba’ min-nies biss.
“Sintendi ċ-ċavetta hi f’idejn il-poplu u hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista mar għal dawn il-festi bil-messaġġ: ‘Kun il-Bidla’.


Din hi stedina għal kulħadd. Kulħadd għandu jieħu sehem fit-tiswir ta’ politika li għandu bżonn tassew il-poplu u anki pajjiżna.”


Michael Piccinino qal li, fost l-oħrajn, bħala pajjiż jeħtieġ li nerġgħu nibdew niddjalogaw ħafna aktar. Hu importanti li niddjalogaw flimkien biex jitwettqu l-bidliet li hemm bżonn għall-ġid ta’ pajjiżna.


“Irridu napprezzaw li l-ġid tal-poplu u ta’ pajjiżna jiżbqu kull interess ieħor. Il-poplu ħaqqu politika li tkun tirrispetta l-intelliġenza u li ma tingannahx kif qed jagħmel spiss ħafna dan il-Gvern.


“Jeħtieġ li nissoktaw naħdmu biex pajjiżna jimxi tassew ‘il quddiem u għalhekk l-appell tiegħi hu biex għada tingħaqdu magħna fl-attività li se nkunu qed norganizzaw Fuq il-Fosos, iżda lil hinn minn hekk, l-istedina hi lil kulħadd biex inkunu parti minn din il-bidla,” temm Michael Piccinino.