Internazzjonali

Manny Pacquiao: Minn karriera fil-boxing għall-Presidenza?

Manny Pacquiao (ritratt), l-aktar boxer famuż li qatt ħareġ mill-Filippini u li rebaħ it-titli mondjali f’diversi kategoriji tal-isport, żvela l-ambizzjonijiet tiegħu biex jikkuntesta għall-Presidenza ta’ pajjiżu fl-elezzjoni tas-sena d-dieħla.

Pacquiao kien innominat bħala kandidat minn sezzjoni tal-Partit PDP-Laban fil-Gvern u meta hu, fil-preżent, qed iservi bħala senatur fil-Parlament tal-Filippini.

Il-President Filippin attwali, Rodrigo Duterte, hu projbit milli jikkuntesta mill-ġdid għal mandat ieħor. Madankollu hu intgħażel minn sezzjoni oħra tal-Partit PDP biex jikkuntesta għar-rwol ta’ Viċi-President Filippin u meta l-kritiċi qed jikkundannaw din il-mossa bħala pjan biex Duterte jibqa’ iggranfat mal-poter.

Sadanittant, hemm probabbiltà li t-tifla ta’ Duterte, Sara Duterte-Carpio – li hi s-Sindku tal-belt ta’ Davao  —  ukoll tikkuntesta l-elezzjoni tas-sena d-dieħla fuq it-tikketta tal-PDP Laban.