Missier il-priġuniera żagħżugħa li mietet l-isptar jiem wara li ppruvat tneħħi ħajjitha b’idejha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se jkun qed jibda proċeduri legali li permezz tagħhom se jfittex lill-Gvern għad-danni.
Huwa qed isostni li l-Istat falla milli jipproteġi lil bintu meta kien responsabbli minnha u li kisrilha d-dritt fundamentali tal-ħajja.
Il-kawża mistennija tinfetaħ kontra l-Gvern, kontra d-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli u persuni oħra li setgħu kienu responsabbli għall-mewta prematura tal-mara ta’ 29 sena.
Il-mewt taż-żagħżugħa kienet it-12-il waħda ta’ priġunier sa minn meta ħa taħt idejh it-tmexxija tal-ħabs Alex Dalli. Bosta kienu l-mistoqsijiet li saru lill-Ministru Byron Camilleri fl-aħħar xhur dwar jekk għandux fiduċja fil-mod kif qed imexxi l-Faċilità Korrettiva id-Direttur preżenti. Kull darba, il-Ministru ħareġ għonqu għal Dalli.
Inkjesta fil-mewt taż-żagħżugħa li ntemmet ftit tal-jiem ilu wasslet biex issa l-Pulizija mistennija jressqu l-Qorti lil żewġ uffiċjali tal-ħabs b’akkużi ta’ qtil involontarju.
Ftit wara l-mewta taż-żagħżugħa kien hemm mewta oħra ta’ priġunier żagħżugħ ieħor. Din it-13-il mewta taħt it-tmexxija ta’ Alex Dalli wasslet biex il-Ministru, wara l-pressjoni li kellu, fl-aħħar talab li ssir investigazzjoni dwar dak li qed jiġri wara l-bibien ta’ Kordin. Din l-inkjesta mistennija titlesta fil-bidu ta’ Ottubru.
//= $special ?>