Internazzjonali

Stati Uniti: Kalma wara theddida ta’ vjolenza minn partitarji tal-lemin f’Washington

L-awtoritajiet f’Washington ħadu n-nifs wara li l-pulizija, fi tmiem il-ġimgħa, ikkontrollat il-ftit mijiet tas-sostenituri tal-lemin li nġabru madwar il-US Capitol għal rally favur id-dimostranti li kienu wettqu l-irvellijiet qattiela tas-6 ta’ Jannar f’Washington.

L-irvellijiet – li fihom mietu numru ta’ nies, inkluż pulizija, u fejn id-dimostranti ħallew ħerba fil-bini tal-Capitol — kienu saru b’appoġġ għall-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump. Intant, il-kelliema li indirizzaw ir-rally ta’ tmiem il-ġimgħa, insistew li l-mijiet tan-nies li spiċċaw arrestati dakinar tal-irvellijiet kienu ‘priġuniera politiċi li ma wettqu l-ebda vjolenza’.

Id-dimostranti li ħarġu f’Washington fl-aħħar sigħat spiċċaw imrażżin faċilment mill-pulizija li kellhom preżenza akbar mis-soltu fil-kapitali.

Qabel l-avveniment, il-pulizija kienu indikaw ‘theddida ta’ vjolenza’ għal diversi bnadi tal-kapitali u bir-riżultat li żdied il-livell tas-sigurtà f’Washington.

Iżda għalkemm l-awtoritajiet kienu ilhom ġimgħat inkwetati dwar ir-rally, fl-aħħarnett ippreżentaw ruħhom biss  bejn 100 u 200 dimostrant, minkejja li l-organizzaturi tar-rally kellhom il-permess biex jattendu madwar 700 ruħ.

L-organizzaturi tal-avveniment – Look Ahead Amnerica – kienu mmexxija minn Matt Braynard li kien l-eks direttur responsabbli mid-data u strateġija għall-kampanja elettorali ta’ Donald Trump  li, fl-2016, aċċertatu minn erba’ snin ta’ Presidenza.