Lokali

Żbilanċ qawwi kontra l-Partit Nazzjonalista

Minn analiżi xjentifika u fattwali li ġabar il-Partit Nazzjonalista matul Awwissu u Settembru li għaddew jirriżulta li nofs il-ħin tal-aħbarijiet tat-8pm hu meħud għall-propaganda sfaċċata favur il-Gvern u l-Partit Laburista.

Dan ifisser li l-vuċi tal-Partit Nazzjonalista mhhix qed tingħata l-ħin indaqs fuq ix-Xandir tal-Istat biex il-poplu jkun jista’ jkollu informazzjoni imparzjali u bilanċjata.

Jirriżulta għalhekk li dan hu nuqqas ta’ imparzjalità kbira u bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta; liema żbilanċ hu inkwetanti ħafna f’soċjetà demokratika.

David Agius, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel din id-dikjarazjoni bbażata fuq analiżi u fatti li qed jirriżultaw fi strateġija li qed jikkoordina biex il-PN iwasal il-messaġġ dwar l-importanza li x-xandir pubbliku jkun imparzjali u bilanċjat. F’din l-istrateġija qed jipparteċipaw għadd ta’ persuni, inkluż Alessia Paila Zammit, kandidata tal-Partit Nazzjonalista.

David Agius fisser l-importanza ta’ xandir nazzjonali imparzjali u li jkun jirrispetta l-intelliġenza tat-telespettatur. Dan hu mistenni f’kull soċjetà demokratika u kif dettat ukoll mill-Kostituzzjoni ta’ Malta fl-Artiklu 41 li jitkellem b’mod tassattiv dwar l-importanza tal-libertà u li l-pubbliku inġenerali jkun infurmat b’mod imparzjali u mingħajr indħil, u li ċ-ċittadin ikollu l-informazzjoni kollha.

David Agius qal li fl-aħħar xhur kompliet tiżdied id-doża ta’ partiġjaniżmu favur il-Gvern u l-Partit Laburista bi żbilanċ sfaċċat kontra l-Partit Nazzjonalista.

Mistoqsi dwar kif qiegħed ikun hemm dan l-iżbilanċ fuq ix-Xandir tal-Istat, David Agius spjega li fl-aħbarijiet tat-8pm – l-aħbarijiet l-aktar segwiti fuq it-televiżjoni tal-Istati – il-Partit Nazzjonalista qed jingħata ftit ħin biex isemma’ l-vuċi tiegħu u dan il-ftit ħin qiegħed ikun allokat bi ħsieb lejn tmiem l-istess bullettin ta’ aħbarijiet.

Jirriżulta li fl-aħħar xhur, ta’ kuljum, il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS injorat għadd ta’ stqarrijiet maħruġa mill-Partit Nazzjonalista u meta tkun rapportata stqarrija jew konferenza tal-Partit Nazzjonalista, dawn ikunu rapportati fil-qosor, wara r-reklami, wara l-aħbarijiet ta’ barra u ġieli wkoll wara t-8.30pm.

Min-naħa l-oħra ġeneralment li fl-ewwel tmien minuti tal-aħbarijiet wieħed isib dominju ta’ aħbarijiet mill-Gvern Laburista u mill-Ministri Laburisti. Jirriżulta li f’Awwissu u f’Settembru l-PBS ħa 88 intervista b’soundclips lil membri tal-Gvern Laburista, u l-ebda waħda lil xi esponenti tal-Partit Nazzjonalista. Din iċ-ċifra fiha nnifisha turi żbilanċ assolut favur il-Gvern u l-Partit Laburista.

David Agius qal li anki bħala ħin totali matul din il-ġimgħa li għaddiet – mit-Tnejn sal-Ħamis – il-Partit Nazzjonalista ngħata ftit aktar minn tmien minuti f’coverage u l-Partit Laburista ngħata 56 minuta. Dan kollu waqt l-aħbarijiet tat-8pm fuq ix-xandir nazzjonali.

Hu fatt evidenti li l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS tirrapporta kull coverage li jkollu l-Prim Ministru Robert Abela li dan jingħata erba’ minuti fl-aħbarijiet tat-8pm u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech bilkemm ikun rapportat għal tliet minuti.

Jirriżulta wkoll li lill-Prim Ministru matul Awwissu u Settembru sarulu tliet intervisti, filwaqt li kien hemm rapportaġġi dwaru għal xejn inqas minn 18-il darba. Tlieta minn dawn il-coverages kienu akkumpanjati minn intervisti mal-istess Prim Ministru permezz ta’ sound clips.

Dan b’kuntrast mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista li kien rapportat biss f’għaxar okkażjonijiet u fl-ebda waħda minnhom ma saritlu xi sound clip għal xi kummenti.

Sadattant matul din il-ġimgħa li għaddiet, filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qiegħed jitkellem fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid u allura fl-istess ħin tal-bullettin tal-aħbarijiet tal-PBS u ma kienx rapportat, l-istess Kamra tal-Aħbarijiet dehrilha li kellha tagħmel trasmissjoni live biex tirrapporta lill-Prim Ministru.

Tajjeb li wieħed jara wkoll x’qed jitħalla barra mill-bullettin tax-Xandir tal-Istat fejn apparti li ma jkunux rapportati konferenzi tal-aħbarijiet jew stqarrijiet tiegħu, il-PBS jidhrilha li għandha tagħti aħbar li Transport Malta xtrat xi muturi, iżda mbagħad ma tirrapportax l-inizjattiva tal-Kummissarju għall-Istandards dwar Standards ta’ Etika fil-Ħajja Politika.

Dan jorbot ma’ kritika li saret lill-PBS fir-Rapport tal-Inkjesta Pubblika fis-sens li l-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir tal-Istat kienet ħalliet barra u ma rrapportax numru ta’ avvenimenti li kienu qed jiġri f’pajjiżna marbuta mal-korruzzjoni tal-Gvern Laburista.

Mistoqsi quddiem dawn il-fatti, x’se jkun qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, David Agius spjega li issa li l-Partit segwa u ħareġ biċ-ċar u mingħajr ekwivoċi dak kollu li qed jiġri mill-PBS u li qed jikkostitwixxi żbilanċ ċar fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista, “se nibqgħu nsegwu, se nibqgħu naraw kuljum x’qed jagħmel ix-Xandir tal-Istat filwaqt li se nżommu lix-Xandir tal-Istat akkontabbli għal dak kollu li se jkun qiegħed jagħmel.

“Mhu se neskludu l-ebda azzjoni biex ikun hemm bilanċ mill-PBS u li dan ikun konformi mal-obbligi li għandu x-Xandir tal-Istat lejn il-poplu Malti u Għawdxi.”

Mistoqsi dwar ir-rwol tal-Awtorità tax-Xandir f’dan ix-xenarju kollu, David Agius qal: “Nippreferi nagħmel sensiela ta’ mistoqsijiet jien stess:

• Għaliex l-Awtorità tax-Xandir m’għamlitx hi dan l-iskrutinju kif hi fid-dover li tagħmel?

• L-Awtorità tax-Xandir għandha nies biżżejjed biex tagħmel dan il-monitoraġġ jew għandha nuqqas ta’ riżorsi umani? Jekk iva, għaliex din is-sitwazzjoni?

• F’demokrazija tista’ titħalla l-Awtorità tax-Xandir f’dan l-istat ta’ telqa? U dan meta nafu li fil-PBS kien hemm numru kbir ta’ impjiegi ġodda u ngħataw numru ta’ promozzjonijiet li wasslu biex tellgħu l-payroll tal-PBS meta hemm  miljuni ta’ dejn fl-istess Xandir tal-Istat.”

David Agius appella lill-poplu Malti u Għawdxi li bit-taxxi tiegħu qiegħed iħallas u jsostni għax-Xandir tal-Istat biex hu wkoll jesiġi li ma jħallix tissokta sitwazzjoni perikoluża bħal din li għal ħafna tfakkarhom lura għal dak li kien jiġri fis-snin sebgħin u tmenin.

David Agius qal li fl-era moderna u f’demokrazija sana, dan kollu hu inaċċettabbli.