Futbol Sport

Żejtun jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva

Rabat Ajax                                0

Zejtun Corinthians                    2

Rabat A.: JM Vella, E. Lekaj, B. Micallef, L. Vella, AP Azzopardi, AM Bustos, K. Muscat, W. Borg, A. Smeir, S. Abela, Z. Tanti

Zejtun C.: C. Cassar, D. Agius, C. Borg, JC Cloth Gonclaves, R. Sgaria Farias, C. Grech, G. Bugeja, CJ Degabriele, S. Tounkara, D. Xuereb, J. Farrugia

Referee: Philip Farrugia

Żejtun komplew il-bidu tajjeb tal-istaġun meta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva tagħhom, biex hekk qegħdin b’punti massimi wara żewġ logħbiet.

Żejtun kienu ċertament superjuri fl-ewwel taqsima u kienu ferm aktar offensivi mill-avversarji tagħhom. Huma ħarġu mill-ewwel fuq l-attakk u kienu ta’ periklu wara biss 3 minuti logħob, meta wara ġirja tajba, Sgaria Farias qassam lejn Cloth Gonclaves, iżda dan tal-aħħar ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra.

Żejtun irnexxielhom jiftħu l-iskor fis-27 minuta b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ ta’ Christian Joseph Degabriele fuq kross ta’ Clyde Borg. Fit-42 minuta, reġgħu kienu Żejtun li marru viċin li jirduppjaw il-vantaġġ tagħhom meta xutt angolat minn tarf il-kaxxa ta’ Renan Sgaria għadda jħakkek mal-lasta. L-isforzi tagħhom ġew ippremjati fl-aħħar ftit sekondi tal-ewwel taqsima meta l-gowlkiper Vella ta’ Rabat deher iwaqqa’ lil Cloth Gonclaves fil-kaxxa, u r-referee Farrugia saffar għal fawl. Mill-penalty spot, kien l-istess Cloth Gonclaves li xeħet fir-rokna tax-xibka.

Żejtun naqqsu r-ritmu ta’ logħob fit-tieni taqsima, iżda xorta waħda baqgħu jiddominaw ix-xejra tal-logħob, bit-tim Rabti ftit li xejn ikun avventuruż u joħrog mill-arja difiża minnhom. Huma kellhom azzjoni tajba erba’ minuti mit-tmiem, minn freekick ta’ Adam Smeir li xeħet cross tajjeb fil-kaxxa, iżda d-daqqa ta’ sieq ta’ Tanti ġiet imxellfa f’korner.

L-ebda gowl f’logħba kumbattuta

Tarxien R …………………….. 0

Swieqi U. …………………….. 0

Tarxien R: J. Borg, C. Conceicao, R. Grech, M. Spiteri, D. Falzon, K. Cutajar, B. Muscat, S. nanapere, M. Tabone, T. Nonato, R. Silva Faria.

Swieqi U: J. Debattista, J. Magri Overend, N. Borg, K. Sultana, J. Willy, J. Castano, A. Schembri Wismayer, M. Micallef, F. Temile, J. Azzopardi, D. Fava.

Referee: Aleksander Jovanovic

Logħba kumbattuta bejn żewġ timijiet li qed jimmiraw għall-ewwel postijiet ma pproduċiet l-ebda gowl u ftit emozzjonijiet bir-riżultat jikkuntenta liż-żewġ naħat.

L-ewwel taqsima kienet kwieta bi ftit azzjonijiet ta’ skor fejn Tarxien kienu mingħajr dubju iktar aggressivi u avventurużi fl-attakk u kienu huma l-iktar li resqu qrib fil-21 minuta meta kien hemm nuqqas ta’ ftehim fid-difiża ta’ Swieqi u daħal Nonato iżda l-lob tiegħu ħabat mal-lasta.

Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba ftit inbidel anki jekk f’din it-taqsima Swieqi daħlu iktar fil-logħba u kellhom ukoll xi azzjonijiet ta’ skor. Iżda minkejja l-isforzi taż-żewġ naħat l-iskor baqa’ ma nfetaħx biex iż-żewġ naħat kellhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed.

Jaqsmu erba’ gowls fit-tieni taqsima

Lija A. …………………. 2

San Gwann …………. 2

Lija A: L. Bonnici, C. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, J. Oliveira Santos, M. Clinch, B. Farrugia, K. Borg, C. Giordimaina, L. Micallef, Robeiro.

San Gwann: C. Formosa, K. Bartolo, J. Micallef, J.P. Attard, S. Loshi, N. Radojevic, S. Kuyper, A. Zammit, J. Omoruanzoje, G. Pace, A. Falzon.

Referee: Daniel Portelli

Lija u San Gwann kisbu punt kull wieħed fi dro spettakolari ta’ 2-2 bil-gowls kollha skorjati fit-tieni taqsima.

San Gwann dehru ferm aggressivi fl-ewwel minuti u Andrea Zammit resaq qrib b’azzjoni personali u xutt angolat li l-goalkeeper ta’ Lija salva b’siequ. Iktar ma beda għaddej il-ħin iktarLija bdew joqgħdou u jaqsmu l-logħob mal-avversarji.

Il-logħba kienet ferm missielta biż-żewġ naħat jissieltu għal kull ballun iżda azzjonijiet perikolużi kienu ftit. Fis-36 minuta reġa’ kien Andrea Zammit li b’xutt sabiħ fil-baxx impenja lil Bonnici li salva b’diffikulta.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Lija fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner kien Robeiro li skorja b’daqqa ta’ ras. Il-logħba issa saret iktar sabiħa u miftuħa u fil-71 minuta San Gwann kisbu d-draw minn azzjoni ta’ freekick u daqqa ta’ ras tal-Olandiż Kuyper li għeleb għal kollox lil Bonnici.

San Gwann kibru iktar fil-kunfidenza u bdew jinsistu għall-gowl tal-vantaġġ u għamlu dan fl-84 minuta meta f’azzjoni konfuża quddiem il-lasta kien hemm ix-xutt ta’ Kuyper imxellef għal ġewwa minn Dale Micallef.

Lija ma qatgħux qalbhom u fid-90 minuta kisbu l-gowl tad-dro meta Lian Xuereb għadda tajjeb mal-linja u qassam lejn Robeiro li minn żewġ passi bogħod kompla għal ġewwa.

Rebħa drammatika għal Mġarr fid-debutt

Mġarr  U                              1

Senglea A                            0

Mgarr: T. Gauci, L. Zammit, G. Milone, JM Davies, C. Borg, J. Borg, A. Sammut, K. Pulo, M. Attard, JL Micallef, G. Santiago Achaval

Senglea: J. Pisani, J. Sultana, M. Ablett, E. Tawiah, L. Mallia, M. Zarb, A. Tenorio Viveros, D. Claridge, O. Magro, R. Tanti, K. Vella

Referee: Jason Portelli

Mġarr bdew l-impenji tagħhom dan l-istaġun b’rebħa minima ta’ 1-0 fuq Senglea, b’gowl skurjat minn penalty fis-6 minuta tal-ħin miżjud. Dan kien debutt assolut għal Mġarr f’din id-diviżjoni, li bdew l-avventura tagħhom b’punti massimi.

Mġarr iddominaw il-logħob mill-bidu sat-tmiem, u kellhom żewġ ċansijiet ta’ skor fl-ewwel taqsima. Fis-17-il minuta, fuq kross ta’ Achaval Santiago, ix-xutt fil-baxx ta’ Aaron Sammut ġie mdawwar  f’korner minn fuq il-linja mill-gowlkiper Pisani. Man-nofs siegħa logħob, kien l-istess Sammut li kellu ġirja tajba u qabeż żewġ difensuri avversarji, qabel għadda lejn Achaval Santiago, li ra x-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa jaħbat mal-lasta.

L-uniku gowl tal-partita wasal fl-aħħar ftit sekondi ta’ logħob. Kien Matthias Ablett li deher iwaqqa’ lis-sostitut Oghenekewaro fil-kaxxa, u r-referee saffar għal penalty. Mill-ħdax-il metru, is-sostitut Gordon Saliba ma falliex, fost id-diżappunt viżibbli fuq wiċċ il-plejers tal-Isla.