Ekonomija Kummerċ Lokali

Anke l-Ministru spiċċa jaqbel mal-proposti tal-Partit Nazzjonalista

Għall-Ministru Clyde Caruana, il-proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista huma proposti tajbin – dikjarazzjoni li għamel il-Ministru tal-Finanzi f’kummenti lil Net News, fejn anke hu qed jaqbel mal-għajnuna ta’ 40 miljun ewro li Gvern ġdid Nazzjonalista kommess illi jagħti lin-negozji.

Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti aktar għajnuna lin-negozji permezz ta’ fond ta’ 40 miljun ewro sabiex id-daqqa li ħadu fl-ahhar xhur taqa’ fuq il-Gvern u mhux fuq in-negozjant u l-ħaddiema li jimpjega.  

Din il-proposta tal-PN diġà sabet l-appoġġ tal-Korpi Kostitwiti, illi faħru l-impenn ta’ Bernard Grech li qed ikun ta’ spalla għall-ħaddiema.

Intant, meta l-Ministru tal-Finanzi kien mistoqsi minn dan l-istazzjon dwar il-proposta l-oħra li ressaq il-Kap Partit Nazzjonalista Bernard Grech li tiġi estiża l-bracket ta’ min jibda jħallas il-VAT minn 30,000 għal 60,000 ewro, il-Ministru Clyde Caruana naqas milli jikkummenta.

Bħalissa hemm eluf ta’ negozji u self-employed li jaqbżu l-bracket ta’ 30,000 bl-eżatt. Bi Gvern ġdid Nazzjonalista, dawn mhux ser ikollhom għalfejn jiġbru l-VAT u mhux ser ikollom bżonn iħallsu l-VAT lill-Gvern jekk l-attività tagħhom ma taqbiżx dħul ta’ aktar minn 60,000 ewro fis-sena. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap tal-PN saħaq li dan huwa wkoll mod kif neliminaw l-għoli tal-ħajja, fejn wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista se jwitti t-triq biex kulħadd jgħix ħajja aħjar.