Internazzjonali

Tmien persuni jinqatlu fi sparatura fir-Russja

Arrestat l-aggressur li qatel 8 persuni u fera 6 persuni oħra fi sparatura li seħħet it-Tnejn fil-kampus tal-Università fil-belt Russa ta’ Perm.

Diversi filmati juru nies beżgħana jippruvaw joħorġu mit-twieqi tal-kmamar.

Il-midja soċjali tal-iskola t-Tnejn filgħodu wissiet lil kull min kien fil-kampus biex jitlaq jekk possibbli, jew jissakkar ġewwa kamra.

Ma kienx ċar mill-ewwel kemm inqatlu, iżda uffiċjali tal-infurzar tal-liġi qalu li l-isparatura kienet qed tiġi investigata bħala ‘multiple homicide’. Filfatt, huma 8 il-persuni li nqatlu f’dan l-attakk.

Filmat meħud minn ġewwa l-bini juri persuna armata liebsa l-iswed u liebsa elmu miexi bil-mod madwar il-kampus.

Uffiċjali qalu li l-aggressur huwa student fl-università fejn seħħew l-attakki. Rapporti mhux ikkonfermati identifikawh bħala ġuvni ta’ 18-il sena jismu Timur Bekmansurov, li allegatament ħalla nota li tiddeskrivi l-mottiv tiegħu fuq il-midja soċjali.