Internazzjonali

‘Eroj’ tar-Rwanda kkundannat għal terroriżmu

Raġel li sar famuż bħala eroj li salva lin-nies waqt il-ġenoċidju tar-Rwanda spiċċa kkundannat dwar terroriżmu minn qorti f’dan il-pajjiż Afrikan.

Paul Rusesabagina, ta’ 67 sena, instab ħati li appoġġja grupp tar-ribelli waqt li kien qed jgħix f’eżilju u liema ribelli kienu qatlu disa’ ċivili fl-2018. Il-familja tal-akkużat, intant, allegat li hu kien ittieħed lura lejn ir-Rwanda bil-forza u li l-proċess tal-qorti fil-konfront tiegħu kien immanipulat.

Rusesabagina beda jissemma bħala ‘għadu aktar milli eroj’ aktar ma hu beda  jikkritika lill-Gvern attwali tar-Rwanda. Hu snin ilu kien imfaħħar mill-ogħla awtoritajiet ta’ pajjiżu għal dak li għamel biex isalva lin-nies mill-ġenoċidju tas-snin disgħin, fejn 800,000 – fil-parti kbira membri tal-grupp etniku Tutsi – spiċċaw maqtula brutalment f’perjodu ta’ 100 jum.