Lokali

AĠĠORNATA: “Hemm nies li qed jiġihom dubju” – Robert Abela

Jirrepeti l-istess kliem identiċi ta' Joseph Muscat

F’diskors li kitbulu għall-għeluq tal-Konferenza Laburista, il-Prim Ministru qal li hu se joffri s-soluzzjonijiet – iżda fl-ebda ħin ma semma’ x’inhuma dawn is-suppost soluzzjonijiet li għandu l-Gvern tiegħu. Fost l-oħrajn, dwar il-problema kbira tal-għoli tal-ħajja, dwar il-pagi, dwar l-isfidi tal-pensjonanti, dwar l-isptarijiet li jinsabu f’idejn Steward, dwar il-powerstation, is-sitwazzjoni fil-ħabs, l-isfidi tan-negozji ż-żgħar u r-riżorsi li għandhom bżonn l-għalliema. Rigward dan u aktar…Abela ma qal assulutament xejn, ħlief kliem partiġġjan u wegħdi ta’ qabel l-elezzjoni.

L-għeluq tal-Konferenza sar f’Ta’ Qali. U hawn, spikka diskors li fih Abela rrepeta ħafna mid-diskors li kien ilissen il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat. “Mhux se nbiddel id-direzzjoni”, qal il-Prim Ministru. B’ħafna jirrimarkaw li din hija turija ċara tal-kontinwità li jrid iżomm Abela ma’ Muscat.

Fil-folla dehru jittajru l-imkatar l-antiki tal-MLP, kif ukoll tfaċċaw diversi veterani bħal Alex Sciberras Trigona u oħrajn. U konxju mill-qasmiet li għandu fil-Gvern tiegħu, Abela tkellem diversi drabi dwar is-suppost għaqda u saħansitra semma’ l-musical chairs.

Fid-diskors tiegħu, Robert Abela rrepeta r-retorika tiegħu tal-kuraġġ, u fl-istess nifs reġa’ infexx f’attakk bla rażan u negattiv fuq il-PN.

“Jien Soċjalist konvint” – Abela

F’ħin minnhom il-Prim Ministru Robert Abela ammetta li hemm persuni li qed jiġuhom dubji dwar il-Gvern, iżda insista li n-nies miegħu jafu fejn qedgħin.

“Ħobbuni jew għoboduni” stqarr il-Prim Ministru. “Jien Soċjalist konvint”. Filwaqt li sejjaħ lilu nnifsu Ewropew.

Aktar tard, Abela ammetta wkoll li mhux dejjem laħaq l-aspettattiva tan-nies.

Fil-fatt, dwar suġġetti bħall-ambjent ftit li xejn kellu xi jgħid. Semma’ biss għal ftit sekondi l-bidla fil-klima, u l-bżonn ta’ aktar spazji pubbliċi. Anke hawn, Abela ma offra ebda soluzzjonijiet.

Intant, skont Robert Abela, il-Gvern tiegħu ġab “qabża fis-servizz tas-saħħa”. Minkejja li fl-ebda ħin ma kkommetta ruħu li joħroġ lill-pajjiż mid-deal skandaluż ta’ Vitals u Steward illi diġa’ kien kundannat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. B’Abela jibqa’ joħroġ għonqu għal dan il-ftehim li għamlu Muscat u Konrad Mizzi.

Proġett li l-Gvern ilu snin ikaxkar saqajh dwaru

Waqt din il-laqgħa, Robert Abela saqsa “għandna bżonn metro?”

Il-Prim Ministru donnu se jibda jdawwar ħarsu fuq dan il-mezz alternattiv ta’ trasport, meta l-PN ilu mill-2017 jinsisti li bħala pajjiż għandna ninvestu f’sistemi alternattivi ta’ trasport tal-massa. Il-verità hi li l-Gvern Laburista ilu mill-8 snin ikaxkar saqajh fuq dan il-proġett tant importanti.