Lokali Qorti

Homeless arrestat fil-ġnien pubbliku tal-Marsa jammetti akkużi ta’ droga

Raġel homeless ġie mmultat u ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li kien fil-pussess ta’ droga waqt li kien fi ġnien pubbliku. Marhawi Tashu Mariam, 27 sena mis-Sudan kien akkużat li kellu cannabis sintetika waqt li kien f’100 metru minn post fejn jinġabru ż-żgħażagħ.

Il-Maġistrat Ian Farrugia sema’ lill-Ispettur prosekutur Andy Rotin jispjega kif Mariam, li huwa bla dar, ġie arrestat fil-ġnien pubbliku fil-Marsa nhar il-Ħadd filgħodu. Madwar ħames grammi ta’ cannabis sintetika nstabet fil-pussess tiegħu, spjega l-ispettur tal-pulizija.

Huwa ġie akkużat b’pussess sempliċi u li ġarr id-droga sa 100 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Mariam wieġeb ħati tal-akkużi, wara li skuża ruħu u ddikjara li ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jipperikola lil xi ħadd. Mistoqsija mill-qorti, il-prosekuzzjoni qalet li ma kinitx qed tinsisti fuq il-ħabs.

Il-qorti ħadet nota ta’ dan iżda qalet li ma tistax tonqos milli timponi multa f’każijiet bħal dawn. L-avukat difensur Simon Micallef Stafrace talab lill-qorti biex tħalli lill-klijent tiegħu jħallas bin-nifs minħabba l-problemi finanzjarji tiegħu. Il-Qorti laqgħet din it-talba. Mariam ġie ikkundannata xahrejn priġunerija, sospiża għal sena, flimkien ma’ multa ta’ €500, li għandha titħallas fuq medda ta’ sena.