Lokali

Il-propoganda favur il-Gvern Laburista tkompli fl-aħbarijiet ta’ TVM

Fl-assenza tal-Prim Ministru mill-attvitajiet politiċi lbieraħ, il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Television Malta rrappurtat lid-deputat mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne bi prominenza iktar mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Mhux talli l-manipulazzjoni u l-iżbilanċ favur il-Partit Laburista hu f’wiċċ kulħadd, iżda dan hu kważi bla preċedent għax Television Malta qatt ma ta prominenza daqs kemm ta lil Fearne f’attivita’ politika tal-Partit Laburista, lid-diskorsi tal-viċi-kapijiet Nazzjonalisti waqt il-Konferenzi Ġenerali tal-Partit.


Net News tkellem ma diversi osservaturi politiċi u dawn qalu li Television Malta mhux biss qed jirraporta l-attivitajiet tal-Gvern bi kważi roster kuljum, iżda issa anke fl-attivitajiet politiċi jieħu ħsieb li meta ma jitkellimx il-Prim Ministru xorta waħda jwassal il-messaġġ tal-Partit Laburista permess ta’ esponenti oħra.


Matul il-ġurnata tal-Ħadd ilbieraħ, il-propoganda favur il-Gvern Laburista fuq television Malta kienet tammonta għal iktar minn terz tal-ahbarijiet kollha (33%) waqt li l-Partit Nazzjonalista ingħata spazju ta’ 9% mill-aħbarijiet.

Apparti hekk, il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Television Malta ma rrappurtatx ir-reazzjoni tal-PN dwar dak li qal Robert Abela f’Għawdex. Television Malta ma jridx li l-udjenza tiegħu tkun taf il-fehma tal-Oppożizzjoni dwar dak li wiegħed il-Prim Ministru għax l-istqarrija tal-PN qatt ma ġiet irrappurtata fuq Television Malta.


Esperti fix-xandir qalu li l-Awtorita’ tax-Xandir m’għandix tħalli dan l-aġir ta’ kuljum mill-Kamra tal-Aħbarijiet. L-Awtorita’ tax-Xandir għandha l-funzjoni li tagħmel monitoraġġ ta’ dan li jixxandar kuljum u tiżgura imparzjalita’ fil-bulettin tal-Aħbarijiet ta’ Television Malta.