Lokali

“Intom li tħobbu lil Malta, qumu u rrispondu għall-għajta li qed jagħmlilkom pajjiżna” – Martina Caruana

Fid-dirkors tagħha fuq il-Fosos, il-President tar-Riċerka Politika tal-PN Martina Caruana qalet li l-Indipendenza hija ġurnata li tfakkarna minn fejn ġejna, fejn qegħdin, u l-iżjed importanti fejn irridu mmorru. Kienet ġurnata fejn Gvern immexxi minn nies integri ħadu deċiżjoni kuraġġuża, anke waħda li ħafna forsi ħassew kienet waħda ta’ inċertezza. Imma saret bil-ghaqal.

Illum qed nerġgħu naffaċċjaw deċiżjoni simili. Deċiżjoni li jrid jieħu kull Malti u Għawdxi… deċiżjoni kuraġġuża li, finalment, hija deċiżjoni bżonjuża.

Hija qalet li pajjiżna għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista. Partit ġdid, magħqud, u b’saħħtu. Malta huma l-persuni… mhux il-bniedem li qed jhedded li jerġa’ joħroġ għall- politika jekk il-Partit Laburista ma jkomplix jiddefendih u jipproteġih….  mhux il-persuna li ntgħażel bħala l-korrott tas-sena u l-iżjed bniedem involut fil-kriminalità organizzata fid-dinja… mhux dawk l-erba’ min-nies li jaħsbu li pajjiżna huwa l-kont bankarju tagħhom… mhux Prim Ministru li iżjed okkupat iħażżeż skuża wara l-oħra biex jiddefendi lil sħabu.

“Flimkien – u nenfasizza l-kelma flimkien – se jkunu l-bidla. Konvinta minn dan. Kull ġurnata li tgħaddi, tissaħħaħli din il-konvinzjoni. U ngħid il-kelma flimkien, għax dak li qed naħdmu għalih mhux attennibli jekk naħdmu għalih waħedna. The only way out of this is if we work together.”

Hija qalet li sabiex flimkien ngħelbu l-isfidi kbar li għandna quddiemna, aħna, bħala poplu wieħed għandna nkunu magħqudin flimkien sabiex nimxu ‘il quddiem u inħarsu lejn Malta ġdida.

“Lejn Malta aħjar. Lejn Malta li ma tħarisx lejn uċuh. Lejn Malta li ma tħarisx lejn il-kulur politiku tiegħek: aħmar jew blu jew aħdar. Malta, waħda fejn kulħadd huwa indaqs. Lejn Malta fejn kulħadd għandu ċans jaħdem u jikseb għixien dinjituż.

Lejn Malta, fejn in-negozji jistgħu jaħdmu b’liberta mingħajr id-dell ikrah tal-korruzzjoni u l-grey listing. Lejn Malta, fejn iż-żgħażagħ jistgħu jikbru billi ikollhom il-post tagħhom u jagħmlu familja. Lejn Malta, fejn jikbru s-siġar u l-ġonna u mhux waħda li tifga fil-bini ikrah u traffiku. Lejn Malta ambizzjuża u mimlija potenzjal. Din hija l-Malta li ħolom biha l-Partit Nazzjonalista fl-1964 meta Malta saret Indipendenti.

Martina Caruana tkellmet dwar kif pajjiżna nħataf minn klikka ta’ kriminali li waslu mhux biss serqu lil pajjiżna, serqu lilek u lili, iżda waslu ukoll biex inqatlet ġurnalista. Għadna f’sitwazzjoni fejn min hu b’saħħtu jista’ jagħmel li jrid, filwaqt li intom ħuti, tridu tgħaddu minn tbatijiet u pressjoni kbira biex jirnexxielkom tlaħħqu mal-ħajja, biex tibnu l-ħolm tagħkom, u tiksbu l-potenzjal tagħkom. Kif jista’ pajjiż jimxi ‘il quddiem meta dawk ta’ ġewwa jibqgħu jistgħanew u dawk ta’ barra jibqgħu jiżdiedilhom il-piżijiet?

Hija qalet li ddeċidiet li tidħol mal-Partit Nazzjonalista   għax l-urġenza u l-importanza li naraw bidla fil-gvern ma tiġix minn xewqat ideoloġiċi, imma mir-realta li għaddejjin minnha.

“Ejja noħolmu b’Malta ġdida. Anzi, ejja niġġieldu u naħdmu għaliha. Ejja nibdew paġna ġdida fl-istorja tagħna.

Hija qalet li ż-żgħażagħ jridu jbidlu l-pajjiż bi gvern għal kulħadd u grazzi għall-Partit Nazzjonalista, nemmen li ser naslu għax hu l-unika partit politiku li jista’ jerġa jġib l-għaqda nazzjonali.

“Intom, nies ta rieda tajba, ġejjin minn fejn ġejjin. Intom li tħobbu lil pajjiżkom. Intom li tħobbu lil Malta. Qumu u rrispondu għall-għżjta li qed jagħmlilkom pajjiżkom. Malta ħhandha bżonna. Iż-żmien wasal – Step into the light.”