Internazzjonali

Kanada: Tieni elezzjoni federali f’sentejn u eżami iebsa għal Trudeau

Il-poplu tal-Kanada qed jivvota fit-tieni elezzjoni federali għal dawn l-aħħar sentejn u meta l-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau – li qed jittama li jikseb maġġoranza – għandu quddiemu sfida iebsa ħafna.

Fil-fatt, Trudeau – li qed jipprova għal tielet mandat ta’ tmexxija –  kien beda l-kampanja elettorali f’nofs ix-xahar li għadda u sentejn qabel iż-żmien previst oriġinarjament.

Waqt il-kampanja ta’ ħames ġimgħat Trudeau qal li l-elezzjoni hi neċessarja għaliex dan hu żmien kruċjali għall-pajjiż biex jagħżel il-programmi ta’ azzjoni li jmiss waqt li qed jirkupra mill-effetti tal-pandemija tal-Covid-19. Intant, l-istħarriġ popolari wera li l-Liberali ta’ Trudeau jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jiksbu riżultati pożittivi f’din l-elezzjoni.

Madankollu xorta mistennija sfida qawwija mill-Konservattivi taċ-ċentru-lemin fl-Oppożizzjoni taħt it-tmexxija ta’  Erin O’Toole, li qed jikkuntesta l-ewwel elezzjoni federali tiegħu bħala Kap. O’Toole, fl-aħħar jiem, deher li kien qed jappella aktar lill-votanti moderati u meta l-Liberali kapaċi jitilfu l-appoġġ fost il-Kanadiżi li mhumiex konvinti dwar il-ħtieġa għall-elezzjoni bikrija — bi Trudeau għadu taħt id-dell ta’ diversi ‘skandli politiċi antiki’.

Intant, tibqa’ ukoll il-possibbiltà li l-Kanada, fis-snin li ġejjin, tkun qed titmexxa minn Gvern ieħor ta’ minoranza.