Lokali

“Konvint li flimkien se naslu biex inġibu l-bidla li għandu bżonn pajjiżna” – Michael Piccinino

Fl-ewwel diskors formali tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn illum biex jiċċelebra l-Indipendenza għaliex minn dejjem kellu viżjoni għal pajjiżna, viżjoni għal pajjiż indipendenti u sovran, viżjoni għal pajjiż demokrattiku u modern, viżjoni għal pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea. Huwa qal li bħala żgħażagħ f’pajjiż indipendenti għandu jkollna moħħna mistrieħ

“Moħħna mistrieħ li pajjiżna jibqa’ jiftaħ iktar opportunitajiet u jkun pajjiż li jgawdi kredibbilta barra minn xtutna halli nkunu nistgħu ngawdu opportunitajiet kemm f’pajjiżna u anka lil hinn. Li nkunu ngħixu f’pajjiż li jaħseb f’dawk l-aktar vulnerabli u li verament ikun jgħodd dak li taf u mhux lil min taf. F’pajjiż li dak kollu li jagħmel l-istat jagħmlu għall-ġid veru tal-poplu sħiħ u mhux għal xi 4 ħbieb tal-ħbieb li moħħhom biex jaħtfu kollox huma. Pajjiż li jpoġġi l-bniedem verament fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.

Michael Piccinino qal li l-PN wera bil-fatti li huwa partit ħaj u jifhem x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna u l-poplu tagħna. Partit li jħares lejn il-futur ta’ pajjiżna bi proposti varji fuq diversi oqsma fosthom l-enerġija, it-turiżmu, il-konnettivita bejn Malta u Għawdex, ir-riforma li hemm bżonn fis-settur tas-saħħa mentali, proposti dwar kif se ntejbu l-effiċjenza fil-qrati tagħna, proposti għal riforma tant bżonnjuża fil-faċilita korrettiva ta’ Kordin, dwar kif se nerġgħu nsaħħu s-servizzi tas-saħħa f’Għawdex, proposti dwar kif se nżidu l-ispazji miftuħa u proposti dwar kif se nkunu qed ngħinu l-industrija lokali.

Huaw żied jgħid li sa din il-gimgha stess il-PN ħareġ iktar proposti dwar kif is-servizz tal-IVF ikun verament kollu b’xejn bil-mediċina b’kollox u jara li jingħata mill-istat it-trattament għat-tipi kollha ta’ kanċer. Semmejna wkoll kif se naraw li nipprotegu l-art ODŻ – u jkun bżonn it-2/3s biex din art tintuża għal proġetti kbar, qal Michael Piccinino. Huwa saħaq li l-PN huwa kommess li jkompli jgħin lis-self-employed u l-SMEs billi naraw li l-eżentazzjoni fuq il-VAT tiġi estiża għal dawk kollha li jaqalaw sa 60 elf ewro.

Gvern ġdid nazzjonalista se jara li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukatturi, fosthom billi jkun hemm titjieb fis-salarju tagħhom kif ukoll naraw li jkun hemm skejjel u klassijiet attrezzatti aħjar.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li l-Partit ħa diversi stands fosthom kontra l-proġett tal-Marina f’Wied il-Ghajn. Apparti dan Gvern ġdid Nazzjonalista jara li Zonqor Point jiġi rittornat lill-poplu Malti u jara li jinxtara lura Hondoq ir-Rummien halli isir park nazzjonali.

Inizjattivi oħra kienu t-tnedija tal-PN Greens ħalli l-ambjent ikun fil-qalba tal-politika. Twaqqaf ukoll il-working group ‘Qatt Aktar’ sabiex jistudja r-rakkomndazzjonijiet li ħarġu mil-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tal-gurnalista Daphne Caruana Galizia.

Apparti dan kollu, il-PN nieda website ġdida www.kunilbidla.com fejn fiha kulħadd qed jingħata l-opportunità li jagħmel is-suġġerimenti tiegħu.

Michael Piccinino qal li kun il-bidla m’ijiex biss l-isem tal-website il-ġdida tal-Partit.. kun il-bidla hija sejħa lil kull wieħed u waħda minna… hija sejħa lil kull persuna li taħseb li Malta għandha bżonn bidla fid-direzzjoni t-tajba.  

“Din hija stedina sabiex nidjalogaw flimkien: għidilna x’taħseb. Għidilna x’hemm bżonn jinbidel f’pajjiżna, ejjew naraw li flimkien nagħmlu bidla li verament tixraq lil Malta. Il-bieb hu miftuħ u widnejna miftuħin beraħ biex nisimgħukom.

Huwa sosnta li l-bidla mhux se tiġi waħedha, mhux se jagħmilha Bernard Grech waħdu… il-bidla li għandna bżonn tista’ ssir biss jekk naħdmu flimkien.

“Jien konvint li nistgħu naslu. Konvint li bil-ħidma ta’ kulħadd naslu. Konvint li taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech qed nibnu forza politika ġdida għall-bidla. Konvint li flimkien miegħu se naslu biex inġibu bidla li għandu bżonn pajjizna.”