Lokali Qorti

Kumpens ta’ €8,000 fuq tkeċċija nġusta mix-xogħol għal mara tqila għax marret għand it-tabib

It-Tribunal Industrijali ordna kumpanija biex tagħti kumpens ta’ €8,000 lil mara li kienet taħdem bħala Segretarja full-time li tkeċċiet minn fuq il-post tax-xogħol għax marret il-klinika għand it-tabib meta kellha sitt xhur tqala.

Ashleigh Pandurov spiċċat bla tkeċċiet għax il-kumpanija qalet li ħarġet mid-dar meta kienet bis-‘sick leave’. It-tribunal presedut miċ-Chairman Edmund Tabone qal li dan huwa każ ta’ tkeċċija nġusta għax anke jekk għamlet xi ħaġa ħażina, kellha tinħarġilha twissija bid-dritt li tiddeffenti ruħha.

Il-mara kienet bdiet l-impieg tagħha mal-kumpanija S&M Marketing fis-29 ta’ Jannar, 2018 b’kuntratt indefinit. Hija ħarġet tqila f’Awissu 2018 u fit- 22 ta’ Frar 2019, meta kellha sitt xhur tqala, kienet ċertifikata ma tiflaħx ghal-tliet ijiem.  

Waqt is-sick leave, il-mara kellha bżonn tmur il-klinika fejn ipoġġi t-tabib tagħha f’Ħal-Qormi. Hija qalet li meta daħlet lura għax-xogħol mar fuqha l-imgħallem u b’arroganza nfurmaha li tista’ ma tersaqx iktar lejn ix-xogħol għax ħabib tiegħu ra barra.

Il-mara qalet li hija ma kinitx iffirmat l-ittra tat-terminazzjoni tagħha iżda, allegat li l-kumpanija għamlet firma falza tagħha. Fid-dikjarazzjoni tagħha, l-kumpanija qalet li l-mara naqset mill-obbligi statutorji u kuntrattwali tagħha meta  kienet bis-sick leave u għażlet li toħrog biex tagħmel il-qadi tagħha.

Id-direttur tal-kumpanija qal li sar jaf li l-impjegata kienet ħarġet u marret tirrinova l-insurance tal-karozza tagħha għax kellu konversazzjoni mal-persuna li tmexxi l-aġenzija tal-insurance. Il-kumpanija qalet ukoll li  l-formula tat-terminazzjoni ma ġietx sottomessa lil Jobs Plus u mhux vera li ġiet ippreżentata formola b’firma falza.

Il-kumpanija ma’ tipprovidx servizz ta’ tabib għall-ħaddiema tagħha u t-tabib tagħha jara biss pazjenti fil-klinika tiegħu. Din ġiet iċċertifikata għal-tliet ijiem sick leave. Jidher li matul dan il-perjodu, hija kellha bżonn terġa’tmur il-klinika minħabba li kienet qed tbati minn dardir.

Faċċata tal-klinika tat-tabib hemm l-uffiċċju ta’ l-aġenzija ta’ fejn kienet inxurjata l-karozza tagħha u din qasmet it-triq biex tmur tħallsaha. It-tkeċċja saret fuq dan il-każ.    

It-tribunal qal li l-proċedura dixxiplinarja attwata mill-kumpanija hija inaċċettabbli. Hija qatt ma kellha xi forma ta’ twissija u ġiet imkeċċijja verbalment wara li marret lura għax xogħol mingħajr ma nħareg xi forma ta’ charge u għaldaqstant ma setgħetx tiddefendi ruħa taħt l-ebda forma ta’xi laqgħa jew bord dixxiplinarju fejn setgħet ukoll  tiġi rappreżentata.

It-Tribunal qal li ma jiġġustifikax il-fatt li hija ħadet l-opportunità u marret biex tħallas l-insurance iżda qatt ma jista jaqbel ma’proċedura dixxiplinarja li wasslet ghat-tkeċċija. It-Tribunal ukoll innota nuqqasijiet serji mill-kumpanija riqward amministrazzjoni dubjuża fej tidħol ir-reġistrazzjoni tal-impjieg tal-mara mal-Jobs Plus. It- Tribunal qal li l-ammont ta’ €8,000 f’kumpens irid jitħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din id-decizjoni. Għal mara deher l-Avukat David Gatt.

Ikkummenta