Internazzjonali

Spanja: Djar meqrudin mil-lava ta’ vulkan fil-Gżejjer Kanarji

Eluf ta’ residenti kellhom jevakwaw miz-zoni residenzjali wara l-iżbroff ta’ vulkan fl-inħawi ta’ La Palma, fil-Gżejjer Kanarji. Dan waqt li l-gliegel tal-lava, fl-aħħar sigħat, qerdu numru ta’ djar fiz-zona.

Il-lava minn Cumbre Vieja ilha nieżla minn mal-ġnub tal-vulkan mindu seħħet l-iżbruffatura prinċipali tal-Ħadd u fejn qerdet dak kollu li nzerta quddiemha.

L-Uffiċjali lokali fil-fatt qalu li laħqu nqerdu ‘il fuq minn 100 residenza, bil-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, fl-aħħar sigħat, jivvjaġġa bl-ajruplan lejn La Palma biex isegwi personalment l-isforzi tas-salvataġġ.

Sanchez qal li l-awtoritajiet qed isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni minħabba li kapaċi jfeġġu n-nirien kbar ‘mill-baħar tal-lava fl-inħawi’. Dan waqt li membri tal-militar u tal-gwardja ċivili qed jagħtu l-għajnuna f’din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza,

S’issa ma kienu rappurati l-ebda vittmi iżda ħarġu direttivi għall-evakwazzjoni ‘ta’ bilfors’ tar-residenti minn erba’ villaġġi, fosthom El Paso u Los Llanos de Aridane. Dan waqt li, fl-aħħar sigħat, twaqqfu x-xelters temporanji fl-inħawi.