Internazzjonali

Covid-19: L-Istati Uniti neħħiet il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar għall-passiġġieri mir-Renju Unit u l-UE

L-Istati Uniti neħħiet il-projbizzjoni għan-nies biex jivvjaġġaw lejn artha mir-Renju Unit kif ukoll mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea –b’din id-direttiva għandha ssir effettiva f’Novembru. Dan ifisser li l-passiġġieri li jkunu ħadu t-tilqima sħiħa kontra l-coronavirus u li jkunu suġġetti għal contact tracing jistgħu jaħsbu biex, ‘il quddiem, isiefru lejn l-Istati Uniti wara nuqqas ta’ xhur.

Il-projbizzjoni inkwistjoni kienet ilha fis-seħħ minn Marzu tal-2020 meta l-pandemija tal-Covid-19 kienet qed tinfirex b’rata rapida madwar id-dinja. Sadanittant, ir-rappreżentanti tal-linji tal-ajru qed ikunu aġġornati bl-iżviluppi huma u jippreparaw għall-‘bidla’. Dan wara li l-industrija tal-ivvjaġġar kienet ilha ‘iddisprata’ biex jirritornaw il-konnessjonijiet tal-ajru bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit.

F’dan il-mument, iżda, ħadd ma jista’ jivvjaġġa mir-Renju Unit għall-Istati Uniti mingħajr il-green card inkella permess speċjali jew passaport ta’ ċittadin Amerikan. Madankollu l-entitajiet kummerċjali, flimkien ma’ eluf ta’ familji, huma kuntenti li se jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt dirett mill-ġdid ma’ entitajiet oħrajn u l-qraba mbiegħedin.

Fl-istess ħin, huma kuntenti wkoll is-sidien tal-linji tal-ajru ‘long-haul’ li jiddependu ħafna fuq ir-rotot bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit bħala sors qawwi ta’ introjtu.