Internazzjonali

Ingilterra: Akkużat ieħor fil-każ tas-‘Salisbury poisonings’

Raġel Russu ieħor – it-tielet wieħed – qed jiffaċċja l-akkużi dwar allegat sehem f’każ prominenti ta’ ivvelenar li seħħ fl-2018 fir-Renju Unit u li kien sewa l-ħajja ta’ mara, minbarra li ħalla tlieta kritikament morda.

Is-sorsi tas-sigurtà jemmnu li Denis Sergeev kien għen imexxi l-azzjoni fil-belt ta’ Salisbury u fejn intużat il-kimika Novichok fil-konfront tal-eks aġent sigriet Sergei Skripal (li kien serva l-interessi tar-Russja u entitajiet sigrieti oħra barranin — u bintu Yulia.

Skripal u bintu mardu sew b’konsegwenza tal-attakk iżda rkupraw ġimgħat wara. Intant, in-Novichok f’Salisbury kellu jħalli vittma bl-isem ta’ Dawn Sturgess waqt li uffiċjal tal-pulizija wkoll spiċċa vvelenat, iżda rnexxielu jsalva.

Il-pulizija  temmen li l-attakk tmexxa minn skwadra magħmulha minn membri tas-servizzi sigrieti militari tar-Russja. Iżda waqt li l-Aġenzija tal-Prosekuzzjoni ewlenija fl-Ingilterra awtorizzat l-akkużi li jridu jitressqu f’dan il-każ, is-suspettati – li jaħsbu li qegħdin ir-Russja – ma jistgħux ikunu akkużati b’mod formali dment li huma ma jinżammux taħt arrest.