Internazzjonali

Ir-Russja tinsab ħatja dwar il-qtil tal-eks spjun Litvinenko

Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani sabet lir-Russja responsabbli għall-qtil ta’ Alexander Litvinenko; l-eks spjun Russu li kien ħa ċittadinanza Britannika u li fl-2006 spiċċa vvelenat b’sustanza radjuattiva (polonium-210) f’Londra.

Investigazzjoni pubblika li mexxa r-Renju Unit għaxar snin wara l-każ kienet ikkonkludiet li l-qtil x’aktarx li kien ‘approvat’ mill-President Russu Vladimir Putin – bir-Russja dejjem tiċħad għal kwalunkwe sehem fl-omiċidju.

L-inkjesta tal-Britanniċi sostniet li eks gwardjan tal-KGB ( l-eks servizzi sigrieti tar-Russja) u raġel Russu ieħor kienu vvelentaw lil Litvinenko, fejn, probabbilment, tefgħu s-sustanza radjuattiva fit-tazza tat-te tal-vittma.

L-armla ta’ Litvinenko, Marina, imbagħad ressqet il-każ kontra r-Russja lill-Qorti Ewropea bbażata fi Strasbourg u li qablet mal-konklużjoni tal-inkjesta Britannika..

Il-verdett sostna li ‘il-qorti sabet każ qawwi prima facie li, fl-azzjoni li fiha Litvinenko spiċċa vvelenat, iż-żewġ irġiel ta’ miegħu, Andrei Lugovoi u Dmitry Kovtun, kienu qed jaġixxu bħala aġenti tal-Istat tar-Russja’. Il-qorti kompliet li l-falliment tar-Russja li tirrifjuta l-akkużi li kienet organizzat il-qtil ta’ dan l-eks-spun kompla jenfasizza r-responsabbiltà ta’ Moska.

Dan waqt li l-akkużati, Lugovoi u  Kovtun, qegħdin jiċħdu dwar xi involviment fl-omiċidju ta’ Alexander Litvinenko.