Tul il-pontifikal fl-okkażjoni tas-57 anniversarju mill-Indipendenza, l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles J Scicluna spjega kif fis-silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju fl-ewwel qari llum, għandha attwalità kbira għalina l-Maltin u l-Għawdxin aħna u niċċelebraw dan l-anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza 2021. Mons Scicluna spjega kif din is-silta mill-kapitlu sitta tal-Ewwel Ittra lil Timotju, San Pawl qiegħed jindirizza lid-dixxiplu għażiż li kien maħtur bħala leader, kap ta’ komunità. Kien bniedem żagħżugħ mimli ħeġġa. L-Appostlu Missierna jeżortah biex ikun ta’ eżempju u jevita l-insidji tal-ħajja ta’ ragħaj, ta’ bniedem responsabbli minn komunità.
Ħin minnhom San Pawl iħares lejn il-komunità Nisranija u jirrealizza li hemm min, waqt li jwarrab il-kliem tas-sewwa, jimrad bil-marda tat-tilwim u kliem li ma jġibx ħlief għira u ġlied, tkasbir u suspetti ħżiena. Il-kelma tas-sewwa tnissel fid-dixxiplu u fil-leader sentimenti ta’ ġustizzja, ta’ tjieba, ta’ fidi, ta’ mħabba, ta’ sabar, ta’ ħlewwa. Dawn huma valuri meħtieġa fi kwalunkwe stat sovran, inkluż l-Istat tagħna li twieled bħala stat sovran fl-1964.
L-Appostlu Missierna San Pawl ipoġġi sebgħu fuq pjaga attwali għalina li nħoss dover morali nindirizza f’din l-eżortazzjoni qasira tiegħi llum. Jgħidilna: ‘It-tjieba fiha qligħ kbir tassew għal min hu kuntent b’dak li għandu’ (1Tim 6:6). Kemm tkun ħaġa sabiħa li nieqfu ftit biex nirriflettu fuq dan il-kliem tal-Appostlu Missierna, għax fil-kelma ‘tjieba’ jiena mhux biss nara l-pietas li huwa l-atteġġjament ta’ devozzjoni lejn Alla, il-Ħallieq ta’ kollox u ta’ kulħadd, imma nara wkoll ir-rażan u l-ġustizzja li huma l-bażi tal-armonija soċjali. F’dan is-sens, it-tjieba, li hija wkoll ġustizzja soċjali, fiha qligħ kbir għal min hu kuntent b’dak li għandu jgħid San Pawl: ‘għax aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma
nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina. Imma dawk li jridu jistagħnew jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u ta’ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien. Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen; kien ħtija ta’ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir’ (1Tim 6:7-10).
M’hemmx għalfejn nieqfu fuq ġrajjiet reċenti biex nifhmu kemm dan il-kliem tal-Appostlu Missierna huwa kliem ta’ għerf u ta’ verità. Waħda mill-mardiet li qed jaħkmu l-Istat Malti, jew lis-soċjetà Maltija, huwa propju l-marda tar-regħba. Ir-regħba hija espressjoni ta’ individwaliżmu sfrenat: moqdi jien moqdi kulħadd; jiena l-ewwel, it-tieni jiena, it-tielet jiena, u jekk jibqa’ jiena wkoll. Imma min hu kuntent b’dak li għandu, min bi gratitudni kbira jiekol il-ħobżna ta’ kuljum maqlugħa bl-għaraq ta’ ġbinu, b’qalb safja, b’kuxjenza retta, b’sens kbir ta’ ġustizzja, allura dan mhux biss ikollu
biżżejjed, imma wkoll ta kontribut kbir lis-soċjetà.
Waħda mis-sintomi tar-regħba tagħna hija t-tkerrih tal-pajsaġġ Malti. Aħna għandna bżonn inkerrhu l-isbuħija ta’ pajjiżna għal erba’ soldi? M’aħniex kapaċi nrażżnu s-sens tagħna u nżewġuh mal-għaqal, mal-prudenza, u noħolqu affarijiet bħalma huma binjiet u proġetti li huma estetikament pjaċevoli, li jagħmlu unur lill-armonija ta’ pajjiżna?
Mhux dan kien il-patrimonju li rċevejna? Meta nħarsu lejn il-belt tal-Imdina, is-swar tal-Belt u tal-Kottonera, naraw mhux biss binjiet funzjonali imma wkoll arkitettura armonjuża li tgħaxxaq. Nistgħu ngħidu l-istess għall-binjiet li bihom qegħdin inġarrfu s-sens sabiħ ta’ pajjiżna? Mhuwiex sintomu ta’ regħba dan, speċjalment meta mhux
bilfors qegħdin nibnu bi skop li nipprovdu djar fejn ngħixu imma biex sempliċement nagħmlu aktar flus? U jekk wieħed jgħidli: għax hekk indawru r-rota; imma b’liema prezz? Ħafna drabi jekk aħna, biex nuża l-kelma ta’ San Pawl, naqgħu fit-tiġrib u fix-xibka tar-regħba, nispiċċaw biex inċaħħdu mhux biss lilna nfusna u lil uliedna mill-kwalità ta’ ħajja li tixraqilna, imma wkoll lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Aħna kollha ħerqanin biex ir-reputazzjoni ta’ Malta tkun dejjem reputazzjoni li nkunu kburin biha, imma qabel inwaħħlu f’ħaddiehor, u forsi fil-ġudizzju iebes ta’ ħaddieħor, ta’ min nieqfu u nagħmlu eżami ta’ kuxjenza. Forsi l-kilba għall-flus, għall-flus faċli, qiegħda teqred ukoll is-sinsla morali ta’ pajjiżna? U xi kwalità ta’ indipendenza nistgħu
niċċelebraw jekk aħna skjavi tas-sens tal-kilba tal-poter u tar-regħba għall-flus? Dawn huma istinti egoistiċi li ma jagħmluniex ħielsa, u jekk aħna niċċelebraw l-indipendenza tagħna u l-ħelsien ta’ pajjiżna minn kull kondizzjonament kolonjali u militari, hemm bżonn nieqfu u naħsbu: imma aħna waqajna f’xi jasar, il-jasar tal-kilba tagħna stess
għall-poter jew inkella għall-flus?
L-aħħar ħsieb tiegħi jdur lejn is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa. Ġesù jdur il-bliet u l-irħula jipprietka u jxandar l-Evanġelju, l-Aħbar it-Tajba tas-Saltna ta’ Alla. Mhuwiex waħdu; isieħeb miegħu t-tnax-il appostlu u xi nisa li kellhom l-esperjenza, f’kuntatt ma’ Ġesù, tal-fejqan mill-ispirti ħżiena u mill-mard. Dawn in-nisa kienu ġejjin minn diversi
klassijiet jew ċeti soċjali: Marija ta’ Magdala – post tas-sajjieda – minn din il-mara kienu ħarġu seba’ xjaten; kien hemm ukoll Ġwanna li kienet mara kollegata ħafna mal-poter; kienet mart Ħusa, il-prokuratur ta’ Erodi – nistgħu ngħidu l-ministru tal-finanzi ta’ Erodi. L-ironija hija li x’aktarx Erodi, mingħajr ma kien jaf, permezz ta’ din Ġwanna kien ukoll
qed jissussidja l-missjoni tal-Imgħallem. U kien hemm ukoll Susanna. Isem Susanna huwa isem għażiż fl-Iskrittura għax ifakkarna fis-silta mill-ktieb ta’ Danjel fejn mara Lhudija fidila u safja tiġi akkużata b’mod inġust minn imħallfin korrotti, u Danjel jeħlisha bil-qawwa tal-għerf mibgħut minn Alla. Kien hemm ħafna oħrajn u kollha kienu
jaqduhom minn ġidhom.
Id-diskors ta’ San Pawl mhuwiex kundanna tal-ekonomija, tal-finanzi, ta’ dak kollu li huwa progress u ġid ekonomiku. Wara kollox, is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa tgħallimna li anke l-Mulej kellu l-fundraisers tiegħu. Kellu lil dawk Ii kienu qed jgħinuh mill-ġid tagħhom u jaqduh. Imma aħna, f’Jum l-Indipendenza 2021, irridu nistaqsu lilna
nfusna: il-flus jikkmandawna jew aħna nużawhom għall-ġid?
L-Arċisqof għalaq l-omelija tiegħu billi rringrazzja l-Istat Malti talli minn żmien il-gwerra ’l hawn, u b’mod speċjali mill-Indipendenza ’l hawn, huwa stat li għandu għal qalbu s-servizzi soċjali, is-social welfare, l-għajnuna għall-fqir u l-batut, is-servizzi tas-saħħa b’xejn, u l-edukazzjoni gratwita. Dak kollu li jsir għall-ġid komuni huwa sinjal qawwi ta’
kif għandu jkun l-Istat. Huwa qal “il-kelma tiegħi allura trid tkun ukoll kelma ta’ inkoraġġiment u rikonoxximent tal-ħafna tajjeb li jsir. Jalla l-kelma tal-Appostlu Missierna, li hija kelma ta’ mħabba u fl-istess ħin kelma ta’ twissija, tiswilna ta’ għerf u ta’ ġid”.