Mill-Qawra tad-Dwerja, fost il-bugħaddasa neżlin igawdu l-meravilja tal-baħar Mediterran, il-Kelliem ewlieni Peter Agius u l-Kandidat Darren Carabott spjegaw il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għas-settur turistiku, b’emfasi fuq in-niċċeċ turistiċi.
Fost il-100 proposta teknika u spjegati f’dettall fid-dokument 2+8 ‘A way forward to tourism recovery’, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi emfasi mġedda b’appoġġ konkret għat-turiżmu tan-niċeċ. Fost in-niċeċ identifikati hemm il-Gastronomija u l-użu aħjar tal-prodott Malti, l-Agri-turiżmu, il-Patrimonju Kulturali u Reliġjuż kif ukoll id-Diving.
Il-Kelliem tal-PN Peter Agius spjega kif l-iskejjel tal-bugħaddasa u l-aġenziji li jġibu turisti minn barra biex igawdu l-baħar ta’ madwarna jistgħu jiġu megħjun bil-proposta tal-PN għal co-marketing, fejn Gvern ġdid Nazzjonalista jidħol parteċipi biex isiru kampanji mmirati lejn attività partikolari u suq partikolari b’mod immirat. Dan il-co-marketing iwassal għal għajnuna sa 25,000 euro tan-nefqa fil-marketing.
Agius spjega wkoll kif il-Gvern jeħtieġ jieħu rwol ferm aktar attiv biex jipproteġi r-riżorsa ewlenija ta’ din in-niċċa – u ċioe il-kwalita’ tal-baħar u l-biodiversita marina. Għal dan jeħtieġ nimxu minn protezzjoni ta’ speċi għal protezzjoni tal-habitat kollu. Jeħtieġ ukoll infurzar u monitoraġġ ta’ vera li sa issa għadu assenti. Agius semma wkoll il-bżonn ta’ siti ta’ vapuri mgħerrqa li għal dan is-settur huma vitali u spjega kif il-vapur Hepheastus baqa’ ma tgħarraqx kif kien imwiegħed fil-ponta tal-Qala. Dan jeħtieġ isir immedjatament għax ifisser spinta lis-settur kollu.
Darren Carabott spjega kif il-promozzjoni tas-settur turistiku jixpruna ‘trickle down effect’ li jibbenefika ħaddiema u negozji żgħar f’Malta u Għawdex kollha fuq diversi setturi. Carabott spjega kif l-influss tat-turist lejn Malta huwa vitali kemm għall-effetti diretti tiegħu fil-fatturat ta’ lukandi u restoranti kif ukoll fl-effetti indiretti fuq setturi li jagħtu servizzi lill-operaturi turistiċi.
Carabott enfasizza kif il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tas-serħan il-moħħ f’dan is-settur li ra progress straordinarju taħt gvernijiet Nazzjonalisti, fejn il-partit anke llum għandu l-kredibilita’ addizzjonali tal-proposti tekniċi pubblikati li ġejjin direttament mill-bżonnijiet espressi mill-aspetti differenti tas-settur turistiku Malti.
//= $special ?>