Lokali Qorti

Multa għal żewġ Ingliżi li nqabdu bid-droga fl-ajruport

Żewġ żgħażagħ Ingliżi ġew immultati €500 kull wieħed wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li mportaw f’Malta d-droga. Lloyd Askew Whiteoak ta’ 19-il sena, ammetta li kellu l-ketamina filwaqt li Jackson Blaine ta’ 22 sena ammetta li kien fil-pusses ta’ cannabis grass. L-Ingliżi minn Burnley inqabdu bid-droga fil-15 ta’ Settembru li għadda għall-ħabta tas-2:00pm. fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Whiteoak ammetta li kellu fil-pussess tiegħu tad-droga psikotropika u ristretta ketamina  mingħajr awtorizzazzjoni speċjali bil-miktub mis-Suprintendent tas -Saħħa Pubblika, bi ksur tad-disposizzjonijiet tal-Ordinanza dwar il-Professjonijiet Mediċi u l-Familji u Blaine ammetta li kellu r-reżina meħuda mill-pjanta cannabis.

Il-Qorti qalet li fid-dawl tal-ammissjoni, ma setgħetx isibhom għajr ħatja u għall-iskopijiet tal-piena l-Qorti qieset il-fatt li l-akkużati ammettew fi stadju bikri tal-proċeduri u li għandhom kondotta nadifa. Għalhekk ġew kundannat għall-ħlas ta’ multa  ta’ €500 li jekk ma titħallasx tinbidel f’ħabs bir-rata ta’ €35 għal kull ġurnata. Dan ifisser li jekk mill-multa ma jitħallas xejn, din tiġi konvertità f’14-il ġurnata ħabs.

Il-Qorti ordnat l-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta u sussegwenti qerda tas-sustanzi li minn xhieda mogħtija mill-Espert Forensiku Gilbert Mercieca huma esibiti fir-rekords tal-inkjesta li saret b’rabta ma ’ dawn il-proċeduri.

Barra minn hekk, il-Qorti ikkundannat lill-akkużati iħallsu lir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali is -somma ta’ €871.27ċ. kull wieħed li tirrappreżenta spejjeż imġarrba b’rabta mal-ħatra ta’ Esperti fl-Inkjesta Maġisterjali għal dan il-każ. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frankie Sammut.