Lokali

Riċerka ta’ Professur Malti fil-kura tal-kanċer tal-prostata tista’ ssalva l-ħajjiet

Mijiet ta’ eluf ta’ rġiel madwar id-dinja kollha se jkunu jistgħu jgħixu ħajja itwal u aktar sana grazzi għal Professur Malti, Gert Attard, li flimkien ma’ xi wħud oħrajn ivvinta mediċina ġdida li tiġġieled il-kanċer fil-prostata.

Irġiel li jbatu minn dan il-kanċer normalment jingħataw trattament ta’ radjoterapija u terapija għall-ormoni. Iżda issa, grazzi għal stħarriġ li mexxa l-Professur Attard, sar magħruf li jekk dawn l-irġiel jingħataw ukoll mediċina magħrufa bħala Abiraterone, ikollhom possibbiltà anqas li jmutu b’dan il-kanċer.

Fir-Renju Unit, din il-mediċina kienet twaqqfet mill-awtoritajiet tas-saħħa aktar kmieni din is-sena għax tiswa ħafna flus u kien ingħad li ma tħallix l-effett mixtieq. Iżda issa sar magħruf li, jekk il-kanċer ma jkunx diġà nfirex u l-pazjent jieħu l-Abiraterone matul kors ta’ sentejn, għandu anqas ċans li jmut kawża tal-marda.

L-istudju beda sitt snin ilu u sab li l-irġiel li jbatu mill-kanċer tal-prostata u li ħadu l-Abiraterone flimkien mat-trattament tas-soltu kellhom 51 fil-mija anqas ċans li jmutu bil-marda. Min-naħa l-oħra, kienu biss 18 fil-mija dawk li raw li l-kanċer inferxilhom ma’ partijiet oħrajn ta’ ġisimhom minkejja li ħadu din il-mediċina, kontra l-31 fil-mija li raw il-kanċer jinfirxilhom meta ngħataw biss it-trattament tas-soltu.

Fil-jiem li għaddew, il-Professur Gert Attard żar ukoll Franza fejn ippreżenta ir-riżultati tar-riċerka li għamel. Hemm hu spjega li jinsab eċitat kif, b’dak li sab, mistennija jkunu salvati għexieren ta’ eluf ta’ ħajjiet kull sena.