Ftit tal-ġimgħat ilu, eks priġunier tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs f’intervisti mat-Times u anke ma’ NET News.
Anthony Borg ma ddejjaqx juri wiċċu waqt li tkellem dwar dak li jiġri wara l-bibien ta’ Kordin. Hu tkellem bla tlaqliq dwar il-klima ta’ terrur li tirrenja f’din il-Faċilità u dwar kif jiġu ttrattati priġunieri li jkunu ddisprati.
Iddeskriva kif id-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli jdur fil-kurituri armat b’pistola u dwar kif dalwaqt se jintilef il-kontroll f’din l-istituzzjoni.
L-intervisti ta’ Borg kieni deskritti bħala kuraġġjużi.
Iżda t-Tnejn, l-istess Anthony Borg reġa’ kien is-suġġett ta’ artiklu li deher fuq is-sit talk.mt, li qal li l-eks priġunier reġa’ jinsab imfittex mill-Pulizija wara li naqas milli jiffirma fl-Għassa kif ordnat mill-Qorti.
Borg maħkum minn biża’ li kien se jkun vittma ta’ xi kampanja ta’ terrur kontrih għax tkellem dwar il-fatti f’Kordin, ikkuntattja lil Peppi Azzopardi … magħruf għall-ħidma tiegħu f’dan il-qasam.
“Se jġennuni Pepp”.
Borg insista ma’ Azzopardi, li l-istorja tas-sit tal-General Workers Union ma kienet xejn għajr gidba għax hu qatt ma naqas milli jmur jiffirma….”qed jigdbu biex ikissruni”, saħaq Borg.
Peppi Azzopardi qal lil Borg biex imur l-Għassa u jiffirma…”imma jekk int imfittex se jżommuk” wissieh.
Borg reġa’ insista li hu ma kien falla qatt milli jiffirma u mar l-Għassa kif qallu Peppi.
Fl-Għassa, Borg kellem lill-Ispettur, li min-naħa tiegħu kkonfermalu li ma kienx hemm firem neqsin tiegħu … u li mhux imfittex mill-Pulizija.
Kien hawn li l-ġurnalist ċempel lil talk.mt u talabhom ineħħu l-istorja, ġaladarba din ma kinitx minnha. Hu talab ukoll il-konferma li Borg mhux imfittex mingħand l-Avukat tiegħu stess, bl-Avukat jikkonferma li m’hemmx mandat ta’ tfitxxija għal Borg.
Wara dan kollu, l-Avukat tal-ekx Ħabsi talab dritt għal tweġiba fuq l-artiklu li ttella’ fuq is-sit tal-GWU, liema tweġiba ġiet ippubbilkata.
Madankollu, fis-sit reġgħu tennew li għandhom informazzjoni bil-miktub li Borg hu mfittex.
NET News talab lill-Pulizija dwar il-verità fil-każ kollu. Madankollu, u minkejja li tlabna li jkollna tweġiba sa kmieni waranofsinhar, il-Pulizija baqgħet ma kkonfermatx jekk fil-fatt hux qed tfittex lil Borg jew le.
//= $special ?>