Internazzjonali

Trudeau jżomm il-poter iżda jispiċċa bla maġġoranza

Il-Partit Liberali tal-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau kiseb rebħa minima fl-elezzjoni ġenerali tal-Kanada, iżda naqas milli jaċċerta minn maġġoranza.

U waqt li din hi t-tielet rebħa elettorali għal Trudeau fuq bażi federali, il-kritiċi tiegħu qegħdin jaqblu li l-elezzjoni kienet ħela ta’ żmien u riżorsi għall-pajjiż u għall-poplu. Intant, il-Liberali mistennija li jirbħu 158 siġġu meta huma kienu jeħtieġu 170 għal maġġoranza.

Min-naħa tagħhom, il-Konservattivi mmexxija minn Erin O’Toole mistennija li jkunu rappreżentati minn 122 deputat fil-Parlament bħala l-partit ewlieni tal-Oppożizzjoni – u meta għad fadal il-voti x’jingħaddu.

Minkejja li deher diżappuntat bin-nuqqas tal-maġġoranza, Justin Trudeau, waqt diskors tar-rebħa lill-partitarji f’Montreal, sostna li l-poplu għażel pjan progressiv għal pajjiżu u li l-Gvern ġdid se jistinka kemm jiflaħ għall-interessi tal-votanti kollha.

L-elezzjoni bikrija, li saret fost ir-raba’ mewġa tal-pandemija tal-coronavirus fil-Kanada, kienet l-aktar proċess ta’ dan it-tip li qatt sew flus ( ekwivalenti għal aktar minn 350 miljun ewro) lill-pajjiż. Fl-istess ħin, il-Parlament ġdid elett mistenni jkun simili ħafna għal dak li kien elett sentejn ilu biss, fl-2019.

Iċ-ċirkustanzi li wasslu biex il-Kanadiżi jivvutaw fuq bażi nazzjonali għat-tieni darba f’sentejn qed jitqiesu bħala ‘impenn ċar u speċifiku ta’ Justin Trudeau’ biex jipprova għall-maġġoranza indiskutibbli fl-assemblea. Dan meta l-istess Trudeau baqa’ ma provdiex spjegazzjonijiet sodisfaċenti għal kulħadd dwar in-neċessità tal-kampanja – b’Erin O’Toole jikkritika ‘l-ossessjoni li ssir elezzjoni li l-Kanadiżi, fil-verità, ma kellhomx bżonnha’.