Ambjent Lokali Transport

ANALIŻI: Meta l-Labour irredikola l-proposta tal-PN għal sistema ta’ metro

...u issa spiċċa jikkopja din l-idea

Fl-2017, il-PN kien tassew innovattiv meta propona idea futuristika għall-ħolqien ta’ sistema ta’ trasport tal-massa li tkun tinkludi metro u light railway fuq it-triq. Dak iż-żmien, il-Partit Laburista u l-media tiegħu kienu irredikolaw din l-idea. Bl-eks Prim Ministru Joseph Muscat (ritratt fuq) jindika li l-poplu – skont hu – ma jinteressaħx minn dawn il-proġetti fit-tul.

Joseph Muscat kien jirritika lill-PN dwar il-metro u jgħid li dawn huma biss proġetti “fuq il-karta”. Iżda illum, il-kontinwità ta’ Joseph Muscat – Robert Abela – irid jikkopja din l-idea, wara li l-Partit Laburista ħela 8 snin sħaħ jorqod fuqha.

Fil-fatt, kien biss issa li l-Partit Laburista donnu rrealizza bl-importanza ta’ dan il-proġett, illi dwaru baqa’ ma sar xejn u qatt ma ingħata prijorità mill-Gvern.

Fl-aħħar jiem daħlu diversi suġġerimenti fuq is-sit kunilbidla.com biex il-proġett tal-metro jittieħed bis-serjetà; kif effettivament għamel il-PN tul dawn l-aħħar snin, meta baqa’ jimbotta ‘l quddiem din l-idea. F’wieħed mill-kummenti, jingħad li s-sitwazzjoni fit-toroq hi waħda kaotika, b’ħafna xogħol li jimblokka l-qalba tal-irħula u tniġġis dejjem jiżdied.

Esperti jgħidu li sistema moderna ta’ trasport tal-massa taf tkun l-ewwel pass biex verament bħala pajjiż nibdew innaqsu l-emmissjonijiet u t-tniġġis fl-arja.