Lokali Sport

ATTIVITAJIET INDIPENDENZA: Tittella’ l-kompetizzjoni tal-isparar fuq il-plattini

Bħala parti mill-attivitajiet tal-festi tal-Indipendenza 2021, ilbieraħ saret il-kompetizzjoni tal-isparar fuq il-plattini fil-Malta Shooting Ranges, f’ta’ Kandja.

Din il-kompetizzjoni li issa daħlet fil-kalendarju annwali tal-Federazzjoni tal-isparar ġiet organizzata mill-Malta Shooting Sports Federation bil-kollaborazzjoni ta’ Tim Sport PN. Preżenti għal-din il-kompetizzjoni kien hemm il-Vici Kap tal-PN David Agius, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino kif ukoll Andre Muscat li huwa l-membru fi ħdan Timsport responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet sportivi u s-Segretarja ta’ Timsport Paula Briffa.

David Agius qal li l-attivitajiet sportivi organizzati grazzi għall-ħidma ta’ TimSport PN huma ta’ livell għoli. Huwa rringrazzja lil Frans Pace, il-President tal-Malta Shooting Sport Federation tal-koperazzjoni tiegħu u saħaq kemm huwa importanti li kulħadd jaħdem id f’id biex attivitajiet bħal dawn ikunu ta’ suċċess.

Kien hemm żewġ kompetizzjonijiet, dik tat-trap u oħra tad-dritta. Ir-rebbieħa overall fit-trap kienu: George Mifsud li spiċċa fl-ewwel post, segwit minn Charles Muscat u Rennie Deguara fit-tieni u t-tielet post rispettivament. F’dik tad-dritta Clayton Carabott spiċċa fl-ewwel post, Saviour Borg fit-tieni post u Joe Galea fit-tielet post.