Internazzjonali

Eluf ta’ Afgani ddisprati biex joħorġu mill-pajjiż; “ġejna abbandunati”

Id-disprament f’għajnejn mijiet ta’ Afgani hi ta’ qsim il-qalb.

Bil-bagalji fuq naħa u uliedhom ċkejkna fuq naħa oħra, bosta jirrakkontaw kif qed iħossuhom totalment abbandunati mill-awtoritajiet barranin.

Ħafna minnhom għandhom passaport Ingliż jew ta’ xi nazzjonalità oħra, iżda jgħidu li issa ntesew kompletament u li ġew abbandunati.

Kollha bit-tama li b’xi ftit xorti jispiċċaw fuq waħda mill-ftit titjiriet li qed joħorġu mill-Afganistan.

Eluf ta’ Afgani llum m’għadhomx iqisu lill-Afganistan bħala pajjiżhom. Il-ħakma tal-pajjiż mit-Taliban fissret li issa huma barranin f’arthom, u ħafna qed jibzgħu għal ħajjithom.

Minkejja li ġimgħat ilu meta ħadu f’idejhom it-tmexxija tal-pajjiż huma kienu wegħdu amnestija ġenerali għal min ħadem mal-forzi barranin f’arthom, ir-realtà llum hi waħda differenti ħafna, u t-Talibani qed jagħmlu ħerba u qed jivvendikaw ruħhom minn dawk li huma jqisu bħala ‘alleati tal-għadu’.

Ġurnalisti barranin li jinsabu fil-pajjiż biex jirrappurtaw dak li qed jiġri wkoll qed isibu intimidazzjoni sabiex jippruvaw jitwaqqfu milli juru r-realtà li dan il-pajjiż spiċċa fiha, ġimgħat biss wara li t-truppi barranin ħarġu mill-Afganistan.

Intant is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-pajjiż tibqa’ waħda inkwetanti hekk kif għalliema u studenti rġiel u subien kienu ordnati jirritornaw lura l-iskola ftit tal-jiem ilu, iżda nisa u bniet inżammew milli jagħmlu dan. Anke l-Ministeru għall-Affarijiet tan-Nisa li ingħalaq il-ġimgħa li għaddiet mit-Talibani u li minfloku issa hemm dipartiment li kien magħruf snin ilu għall-indottrinazzjoni reliġjuża, baqa’ ma nfetaħx. Dan kollu minkejja ħafna wegħdi tal-militanti li bit-Taliban fit-tmexxija, in-nisa u t-tfajliet kienu se jkunu jistgħu jaħdmu u jistudjaw l-istess bħall-irġiel u s-subien.