Lokali

Għal ġurnata oħra jidher li Television Malta hu maħtuf mill-propoganda tal-Gvern

F’Jum ta’ Festa Pubblika, l-aħbarijiet ta’ TVM ilbieraħ reġgħu ddedikaw ħin għall-messaġġi tal-Gvern Laburista seba’ darbiet iktar mill-ħin li nngħata għall-fehmiet tal-Oppożizzjoni jew il-Partit Nazzjonalista.

Infatti 27% tal-ħin tal-bulettin tat-8pm kien kollu ddedikat għall-politika li jimbotta l-Gvern iżda 4% biss kien iddedikat għall-messaġġi tal-Oppożizzjoni.

Din il-prassi ta’ żbilanċ assolut favur il-Gvern ilha għaddejja ż-żmien minkejja li l-Awtorita’ tax-Xandir suppost għandha dipartiment apposta li jagħmel monitoraġġ tal-programmi inkluż l-aħbarijiet tat-8pm.

Mill-ewwel ta’ Awwissu sal-20 ta’ Settembru, il-PBS irrapporta dak li qalu l-membri tal-Kabinett 195 darba waqt li l-membri tal-Oppożizzjoni ġew kwotati 66 darba, tliet darbiet inqas. Fil-każ tal-Prim Ministru, dan gie rrappurtat 24 darba, seba’ minnhom b’intervista jew kumment. Għall-kuntrarju il-kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech gie rrappurtat 15 -il darba mingħajr qatt ma jiġi intervistat.

Intant.. Fl-aħħar siegħat l-Awtorita’ tax-Xandir ħarġet sejħa għal uffiċċjal jew uffiċjali biex jagħmlu x-xogħol ta’ monitoraġġ tal-programmi.