Internazzjonali

Il-Ġermanja: Omiċidju relatat mal-ilbies tal-maskli waqt il-pandemija

Raġel suspettat dwar l-omiċidju ta’ kaxxier fi stabbiliment li jbiegħ il-petrol x’aktarx li wettaq ir-reat f’dagħdigħa ta’ rabja wara li kien imwissi biex jilbes il-maskla u josserva r-regoli tal-Covid.

Fil-fatt, il-qattiel qed jissemma bħala bniedem li hu ‘midħla sew’ ta’ elementi li jemmnu li t-twissijiet dwar il-Covid huma kollha parti minn pjan qarrieqi għall-kontroll tal-imħuħ — b’sorsi oħra jgħidu li l-istess qattiel għandu r-rabtiet mal-estremisti tal-lemiin fil-pajjiż.

L-aħħar indikazzjonijiet huma li r-raġel kien involut f’tilwima taħraq fil-petrol station u tant tilef rasu li ħareġ minn hemmhekk u rritorna ftit wara b’arma tan-nar — fejn imbagħad spara għal fuq il-kaxxier ta’ 20 sena, b’konsegwenzi fatali.

L-isparatura, fil-fatt, wasslet għall-ewwel omiċidju li hu direttament relatat mar-regoli tal-Covid-fil-Ġermanja, bir-raġel armat, imbagħad, iċedi lill-pulizija fil-belt ta’ Idar-Oberstein.

Il-vittma tal-omiċidju ma kenitx identifikata.