Lokali Qorti

Il-Pulizija tkisser ċirku ta’ kriminalità organizzata minn barranin f’Malta

Il-Pulizija arrestat tlitt irġiel mir-Rumanija ta’ 54, 40 u 39 sena rispettivament, li jiffurmaw parti minn grupp ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali li jwettaq serq magħruf bħala ‘pickpocketing’. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-grupp ta’ kriminali jmorru fejn ikun hemm postijiet iffullati, l-iktar fuq karozzi tal-linja sabiex jużaw ir-rassa bħala għodda u jisirqu l-vittmi tagħhom.

Permezz tal-kunċett ta ‘Intelligence-Led-Policing’, il-Korp tal-Pulizija qiegħed ikun pro-attiv f’dawn it-tip ta reati. L-investigazzjonijiet tmexxew b’mod konġunt bejn diversi Branki Speċjaliżżati u Distretti. Minn dawn l-investigazzjonijiet irriżulta li s-suspettati allegatament wettqu s-serq f’Malta fi ftit jiem matul ix-xhur tas-sajf illi għadda u telqu immedjatament għal pajjiż ieħor.

Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ pajjiżi barranin, flimkien mal-Europol u l-Interpol, irriżulta li l-persuni ilhom iwettqu dawn ir-reat f’diversi pajjiżi fl-Ewropa li jattiraw turisti mill-2010. L- ‘Intelligence-Led-Policing’ wassal biex ikun magħruf li l-irġiel kienu se jerġgħu jiġu Malta tTnejn illi għadda waranofsinhar b’titjiera minn Budapest fl-Ungerija. Fl-ajruport, il Pulizija osservawhom jaqbdu karozza tal-linja, segwewhom sa lukanda f’San Ġiljan u ġew arrestati.

It-tliet Rumeni mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea.