Internazzjonali

It-Taliban qed jitlob biex isemma leħnu waqt l-assemblea tan-NU

Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban li ħatfu mill-ġdid il-kontroll fl-Afganistan talbu l-opportunità biex jindirizzaw lill-mexxejja tad-dinja,  waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li qed issir din il-ġimgħa fil-belt Amerikana ta’ New York.

Intant, kumitat speċjali tan-NU mistenni li jasal għal deċiżjoni ‘fissa’ fir-rigward tat-talba  — għalkemm is-sinjali huma li t-Talibani se jinżammu milli jsemmgħu leħinhom waqt is-sessjoni attwali tal-Assemblea.

It-Taliban, fl-istess ħin, innominaw lil Suhail Shaheen, il-kelliem tagħhom ibbażat f’Doha (fil-Qatar) bħala l-ambaxxatur Afgan għan-NU.

It-Talibani ani kkonfermaw li r-rappreżentant tal-Gvern preċedenti Afgan għan-NU ‘ma kienx qed jirrappreżenta aktar lil pajjiżu’.

Il-kumitat li qed jikkunsidra t-talba biex it-Talibani jipparteċipaw fid-dibattitu tan-NU jinvolvi disa’ Stati membri, fosthom l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja.

Madankollu dawn l-Istati mhumiex mistennija jiltaqgħu qabel it-tmiem, nhar it-Tnejn, tas-sessjoni tal-Assemblea Ġenerali — u meta sa dak iż-żmien, Ghulam Isaczai għandu jibqa’ bħala l-Ambaxxatur Afgan għan-NU.