Tliet għaqdiet Universitarji kitbu lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru tal-Edukazzjoni kif ukoll lil dak tas-Saħħa jistaqsuhom għaliex l-istudenti Universitarji qegħdin għaldarboħra jintesew u qed jiġu mċaħħda milli jattendu għall-lezzjoniijiet tagħhom b’mod fiżiku.
Fl-Ittra, l-Għaqda Studenti tal-Liġi, ELSA u l-Junior Chamber of Advocates qed jinsistu dwar il-ħtieġa li l-istudenti żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jkomplu bl-edukazzjoni terzjarja tagħhom fuq il-kampus.
Dan wara li fl-aħħar jiem xi fakultajiet diġà avżaw lill-istudenti li għas-semester li jibda f’Ottubru, il-lezzjonijiet se jsiru b’mod virtwali biss.
L-istudenti lmentaw dwar il-fatt li parti mill-Gateway Building ta-Università ma jistax jintuża għall-lezzjonijiet għaliex minflok qed jintuża mill-isptar. Fatt li qed iwassal għal nuqqas serju ta’ spazju għat-tagħlim.
It-tliet għaqdiet ilmentaw dwar il-fatt li attivitajiet oħra qed jitħallew isiru mill-awtoritajiet imma t-tagħlim fuq il-kampus tal-Università mhux jitħalla jitkompla kif inhu xieraq.
L-istudenti għamlu numru ta’ proposti li jistgħu jgħinu sabiex il-ħajja tal-istudenti universitarji terġa’ tirritorna gġan-normalità.
Din se tkun it-tieni sena akkademika li se tkun qed tibda b’lezzjonijiet virtwali minflok dawk b’attendenza fiżika għall-istudenti Universitarji. Intant jidher li studenti ta’ MCAST għadhom kompletament fl-għama dwar kif se jkunu qed isiru l-lezzjonijiet tagħhom, jiem biss qabel ma tibda s-sena skolastika.
//= $special ?>