Lokali

“Il-poplu Malti kapaċi jagħmilha” – Bernard Grech

"Il-PN qed jaħdem fuq il-viżjoni li qed nibnu flimkien, nies ta' rieda tajba li jridu jaraw lil pajjiżna jimxi 'l quddiem"

“Malta tista’ tagħmilha, il-poplu Malti kapaċi jagħmilha”. Hekk qal il-Kap tal-PN Bernard Grech fid-diskors li għamel meta indirizza attività tal-Malta Institute of Accountants l-Erbgħa filgħodu bit-tema tkun iffukata fuq l-ambjent u l-iskart.

Il-Kap tal-PN ta ħarsa fost l-oħrajn lejn il-potenzjal tal-poplu Malti li jegħleb kull sfida li jkollu quddiemu.

“Irridu li nsaħħu n-negozji f’Malta, li ninplimentaw l-politika tal-UE flimkien ma’ dik tal-Partit Nazzjonalista. Dan irridu nagħmluh mhux biss biex intejbu u nirranġaw ir-reputazzjoni ta’ Malta, imma biex nagħmlu futur li lkoll inkunu kburin bih.

Futur li jkun sostenibbli għal uliedna u ulied u uliedna. Futur li Malta tkun fl-aħbarjiet għar-raġunijiet it-tajba.”

Il-Kap tal-PN qal li Malta mhux biss tista’ taħdem biex tkun pijuniera għal żvilupp sostenibbli, iżda anki bil-kisbiet tagħha tappella lil nazzjonijiet oħra biex jindirizzaw l-isfida tal-klima.

Malta tista’ tkun pijuniera fis-sostenibbiltà, fil-ġlieda kontra l-klima u kif nistgħu naddataw għat-tibdil fil-klima. Din mhux xi ħaġa ġdida għalina, 20 sena ilu, ilqajna u bdejna industriji fis-settur tal-gaming u dak finanzjarju billi konna fuq ta’ quddiem nett fil-konformità u s-sostenibbiltà ta’ dawn is-setturi

Bernard Grech qal li PN fil-Gvern se jkun qed jagħti s-saħħa lin-negozji li jkunu fost l-aqwa fl-UE, b’politika li tħares il-futur ta’ uliedna, u bi tmexxija ta’ eżempju.

“Jien konvint li nistgħu ndawru l-paġna għal futur aħjar, futur li jħares l-ambjent u sostenibbli, il-PN irid jibda billi jkun hu ta’ eżempju”

Huwa qal li l-PN qed iħares lejn Malta mhux biss tal-lum, imma anki t’għada, u huwa għalhekk li l-ġimgħa d-dieħla se jtella’ konferenza dwar it-tibdil fil-klima.

“Il-ġimgħa d-dieħla se nkunu qed norganizzaw konferenza għat-tibdil fil-klima. Inħeġġiġkom biex tattendu u tatu l-kontribuzzjoni tagħhom. Il-PN huwa Partit tad-djalogu u wieħed li jemmen fl-esperti.”

Bernard Grech qal li l-impatt tal-greylisting tal-FATF fuq Malta se jkun qed jaffetwa lil kulħadd, inkluż lill-accountants, iżda PN fil-Gvern se jkun jagħmel dak kollu possibbli biex Malta toħroġ mill-greylist.

PN fil-Gvern se jkun qed jagħmel minn kollox biex joħroġ lill-Malta mill-Greylist tal-FATF f’temp ta’ 3 xhur.”