Edukazzjoni Lokali

Ministri ma jitkellmux bejniethom u qed ibatu l-istudenti

Bżonn ta’ direzzjoni politika biex l-istudenti jgawdu l-esperjenza universitarja

L-istqarrija llum mill-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana li ‘sa fejn taf hi’ qed jippruvaw isibu swali għal-lezzjonijiet fl-Universita’ turi li l-id il-leminja ma titkellimx max-xellugija fil-Gvern Laburista.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li Caruana spiċċat tpoġġiha fuq il-Ministru Chris Fearne li talab is-swali tal-Universitá għall-użu tal-Ministeru tas-saħħa. Dan jista’ jkun meħtieġ f’pandemija. Mhux aċċettabbli iżda li l-Gvern induna bi problema erbat ijiem qabel tibda l-Universitá u biss wara l-intervent tal-Oppożizzjoni u l-petizzjoni mressqa mill-MZPN.

Jekk il-Gvern qed tonqsu l-ħeġġa u l-aptit li jmexxi fl-edukazzjoni bħal ma qed juri l-istess fuq Għawdex, fis-saħħa, fl-ekonomija u f’diversi oqsma oħra fejn jistenna lill-PN joħroġ b’direzzjoni qabel jiddeċiedi, allura wasal verament iż-żmien li l-Gvern laburista jagħmel il-wisa għal min jista’ jmexxi l-pajjiż b’aktar enerġija u b’direzzjoni politika li tpoġġi ċ-ċittadin fiċ-ċentru tad-deċizjonijiet.

Dan żgur mhux qed isir mal-istudenti universitarji li għandhom igawdu l-esperjenza universitarja kollha ma kollegi u ħbieb li fil-ġejjieni jafu jkunu l-partners tan-negozju jew fuq il-post tax-xogħol.

Il-Gvern qed ikompli jċaħħad l-esperjenza universitarja – u dan mhux minħabba l-pandemija iżda minħabba l-inkompetenza u nuqqas ta’ koordinament bejn ministeri li jfisser li erbat ijiem qabel jibdew il-lezzjonijiet, l-Università tinsab bla swali adegwati għal dan. Għall-inkompetenza tal-Gvern qed iħallas l-istudent.