Lokali Qorti

Mixli bi vjolenza domestika fuq martu

Raġel ta’ 60 sena, residenti San Ġwann ingħata l-libertà proviżorja wara li kkontesta l-akkużi li huwa kkaġuna ġrieħi gravi fuq martu nhar it-Tnejn li għadda fir-residenza tagħhom. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-koppja kellhom argument bil-mara tispiċċa l-poliklinika tal-Floriana u wara Mater Dei fejn kienet iċċertifikati li sofriet minn ġrieħi gravi.

L-Avukat Patrick Valentino li deher għar-raġel ikkontesta dan il-fatt u qal li l-mara ma sofriet mill-ebda ksur, punti fil-wiċċ jew qtugħ, imma sofriet biss minn xi abbrażjonijiet. L-Ispettur Sharona Buhagiar, mgħejjuna mill-Ispettur Eman Hayman qalet li hija toqgħod maċ-ċertifikati li għamlu t-tobba fejn mill-Floriana l-vittma ntbagħtet Matet Dei.

Id-difiża hawn sostniet li t-tabib mhux bilfors jifhem fil-liġi u ma jagħmilx distinzjoni bejn ferita gravi u dik mhijex skont it-termini tal-liġi. Hawn il-Maġistrat Charmaine Galea qalet li l-Ispettur Buhagiar ma tistax telabora dwar dan il-fatt minħabba li din hija kwistjoni medika.

L-Avukat Valentino, qal li l-klijent tiegħu. li qal fil-Qorti li jaħdem fil-kostruzzjoni jista’ jmur jgħix ma’ oħtu San Ġiljan u l-fatt li għandu kondotta nadifa m’għandux iwasslu biex jibqa’ arrestat. L-akkużat qal lill-Qorti, ‘il-post huwa tagħna – ta’ ommi u ta’ missieri”.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-pleġġ fejn qalet li dawn huma akkużi serji u gravi u hemm il-biża li jiġu kontaminati l-provi peress li l-mara, li hija l-unika xhud li għad trid tagħti d-depożizzjoni tagħha. Fuq mistoqsija tal-Qorti ħareġ li l-koppja mhux għaddejjin minn proċess ta’ seperazzjoni.  

L-Ispettur Buhagiar qalet ukoll li hija nfurmata li l-akkużat kien tressaq il-Qorti 10 snin ilu fuq reati simili u l-mara ħafritlu. “Għandkom rapport tal-Appoġġ”? Staqsiet il-Qorti. Bil-prosekuzzjoni twieġeb fin-negattiv.  Huwa ngħata l-pleġġ fuq depożitu  ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000 u ġie ordnat li ma jkellimx lil martu jew jibgħatilha messaġġi lanqas permezz tat-tfal, li  jiffirma Tnejn u s-Sibt fl-Għassa tal-Pulizija u li jkun id-dar ta’ San Ġiljan fil-11pm u ma joħroġx qabel is-6.00am.  Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara, u wissietu li jekk jikser din l-ordni jista’ jeħel €7,000 multa jew sentejn ħabs.