Lokali Qorti

Raġel mixli li ffroda mill-anqas ħames persuni jingħata l-pleġġ

Il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

Raġel ta’ 42 sena ingħata l-libertà proviżorja wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li ffroda mill-anqas ħames persuni s-somma ta’ €25,000. Il-Prosekuzzjoni qalet li dan il-każ għadu qed jiġi nvestigat fuq żewġ binarji – dik li jista’ jkun hemm persuni oħra li ġew iffrodati u li l-akkużat Noel Bonello spiċċa aggredit minn persuni li x’aktarx tqabbdu minn vittma jew vitmmi biex irodd lura l-flus.

L-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Noel Bezzina deher għall Bonello qal lill-Qorti fil-bidu li l-klijent tiegħu kien lest li jammetti u saħaq dwar l-importanza ta’ pre-sentencing report. Qal ukoll li Bonello diġa ħallas €5,000 mill-€25,000 li għandu jagħti u għalhekk għandu jinħeles.

Il-Maġistrat Galea qalet li diġà kellha lill-akkużat quddiema tliet snin ilu mixli bi frodi u miżappropjazzjoni u li llum huwa mixli wkoll li sar reċidiv. Qalet li dak inhar wkoll huwa wiegħed li kien se jħallas lill-vittmi u sal-lum dawn għadhom jagħmlu r-rikorsi għax għadhom ma tħallsux. Qalet li dak inhar kienet tat ċans lill-akkużat tant li kienet taħt il-minimu fis-sentenza tagħha.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Shawn Pawney qalet li kieku ammetta, ma kienux se joġġezzjonaw li jingħata l-pleġġ sakemm tingħata s-sentenza, imma il-fatt li ma kienx se jammetti, kienu qegħdin joġġezzjonaw.

Id-difiża qalet li qabel tagħti s-sentenza Bonello kien lest li jħallas is-somma kollha. L-akkużat qal li għandu ħabib tiegħu li kien lest li jħallaslu s-somma li għad baqa’ imbagħad jirranġa miegħu hu. Il-Maġistrat qalet li dan il-każ jista’ jwassal bejn sentejn u disa’ snin ħabs, u li l-Qorti diġa ngidmet darba.

L-Avukat Debono qal li huwa jifhem il-preokupazzjoni tal-Qorti imma dan huwa każ differenti, tant li kienu Bonello tressaq quddiem Maġistrat ieħor, lanqas biss kien iqum dan il-punt. “Ma nistax; nerġa’ nagħti probation order, meta fi tliet snin ma kien l-ebda riżultat mill-akkużat”, qalet il-Qorti.

Id-difiża qalet li l-kondotta tal-akkużat għalkemm mhijiex perfetta mhijiex waħda ta’ barra minn hawn, u li huwa ma kiser l-ebda probation. Ingħad ukoll  li l-allegat frodi sar għax kellu bżonn  il-flus għax-xogħol tiegħu stess. Kellu bżonn bex jixtri l-materjal għal ħanut tiegħu stess fejn xogħolu hu li jbiegħ ħaxix u frott.

L-Avukat Debono qal li jekk mhux se jingħata l-ħeslien mill-arrest, se jkun aktar diffiċli biex iħallass. Qal ukoll li minkejja li m’ammettiex xorta se jikkopera, kif diġa għamel. Tenna li l-ammissjoni tiegħu fl-istqarrija mhu se jibdilha ħadd. Madankollu hemm bżonn ta’ social worker li jagħmel superviżjoni miegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjoni daħlu fiha minn informazzjoni anonima, li Bonelloi kien spiċċa aggredit s-Sibt li għadda, u kien għalhekk li ħallas il-€5,000 u għalhekk ma ħallasx minn jeddu. Dwar għall-kondotta tiegħu, l-Prosekuzzjoni qalet li huwa fatt li mhuwiex karattru affidabbli.

Debono qal li -raġuni li ħallas għax ġie aggredit mhijiex waħda affidabbli li ma jinghatax il-pleġġ. Rajt kondotti aktar kkuluruti u kull m’għandu tliet xhur libertà kundizzjonata reat fuq health and safety u amenda ta’ €23 euro.

Il-Prosekuzzjoni talbet biex fuq il-media ma joħroġ minn fejn hu u fejn se jkun qed jiffirma jekk jingħata l-pleġġ u dan għas-sigurtà tiegħu. Id-difiża hawn apprezzat dan il-ġest minn naħa tal-Pulizija.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma f’Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, li jkun id-dar fl-10.00pm u ma joħroġ qabel il-50.0am. u jħallas depożitu ta’ €2,000  u jagħmel garanzija ta’ €10,000. Huwa kien ordnat li ma jkellimx lill-allegati vittmi jew b’kull mod jagħmel xi kuntatt magħhom.