Internazzjonali

Stati Uniti-Renju Unit: Inaqqas il-potenzjal ta’ ftehim kummerċjali għal wara Brexit

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qed jimminimizza l-potenzjal ta’ ftehim għal kummerċ ħieles bejn pajjiżu u r-Renju Unit wara Brexit. Biden indika l-pożizzjoni tiegħu waqt taħditiet fil-White House mal-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson.

Il-President Amerikan qal, intant, li kien qed jaħseb biex jiddiskuti l-ftehim potenzjali ma’ Johnson ‘b’mod mhux daqstant iddettaljat’ u li ż-żewġ mexxejja jridu jaraw fejn kapaċi jaslu fil-futur. Dan waqt li l-kelliema mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Downing Street (Londra) qalu li pajjiżhom qed jagħti priorità lil ‘ftehim dirett mal-Istati Uniti’.

Sadanittant, hu minnu wkoll li l-Ministri Britanniċi qed jikkunsidraw li pajjiżhom, minflok, jissieħeb fil-Ftehim Kummerċjali eżistenti magħruf bħala North American Trade Pact.

Fl-istess ħin, Joe Biden u Boris Johnson, waqt il-laqgħa ta’ 90 minuta, iddiskutew il-kwistjoni politika tal-Irlanda ta’ Fuq; il-bidliet fil-klima attwali u l-aħħar żviluppi relatati mal-Afganistan.

Ir-Renju Unit, bħalissa, hu ħerqan biex jiffinalizza ftehim għall-kummerċ ħieles madwar id-dinja u ladarba spiċċa bħala membru tas-suq komuni tal-Unjoni Ewropea. Ftehim għal kummerċ ħieles bejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti għandu jinkoraġġixxi aktar negozju bejn il-pajjiżi li jippermetti wkoll għat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tat-tariffi.