Internazzjonali

Terremot qawwi f’Melbourne jikkawża ħsarat żgħar, l-ebda vittma

Il-belt Awstraljana ta’ Melbourne intlaqtet minn terremot ta’ 5.8 fuq l-iskala Richter.

It-theżżiż inħass għall-ħabta tad-9.15am tal-Erbgħa fl-akkwati ta’ Mansfield, mhux bogħod mil-belt kapitali ta’ Victoria.

B’xorti tajba jidher li ma hemmx rapporti ta’ persuni midruba, kif ikkonfermat anke mil-Prim Ministru Scott Morrison.

It-theżżiż inħass anke fin-nofsinhar tal-Awstralja u fi New South Wales, u wara l-ewwel theżżiża ta’ kwazi forza 6 segwew żewġ theżżiżiet oħra ta’ 4.0 u 3.1 fuq l-iskala Richter.

Dan kien fost l-akbar terremoti li laqtu lill-Awstralja fl-aħħar snin iżda minkejja dan jidher li l-ħsarat li kkawża ma kinux ta’ natura sinnifikanti.