Lokali Qorti

Tliet Rumeni li marru l-ħabs fl-2018 fuq ‘pick pocketing’ jibqgħu arrestati fuq l-istess reati

Tliet Rumeni li fl-2018 kienu marru l-ħabs fuq ‘pick pocketing’ reġgħu ġew Malta mill-kapitali Ungeriża Budapest u ġew mixlija bl-istess reati kif ukoll fuq ħasil ta’ flus inżammu taħt arrest preventiv. L- ‘Intelligence-Led-Policing’ wassal biex ikun magħruf li l-irġiel kienu se jerġgħu jaslu Malta, kif fil-fatt għamlu nhar it-Tnejn li għadda.  Fl-ajruport, il Pulizija osservawhom jaqbdu karozza tal-linja, segwewhom sa lukanda f’San Ġiljan u ġew arrestati.

Allegatament ir-Rumeni kienu Malta qabel fejn wettqu diversi serqiet u ddeċidew li jerġgħu jiġu Malta biex ikompli bil-missjoni tagħhom. L-irġiel kollha minn Bucharest huma Marian Tenescu ta’ 40 sena li qal li huwa Inġinier, Theodor Dumitrescu ta’ 54 – li huwa xufier u Vasilica-Ionel Harabagiu, li għandu 40 sena u li huwa ‘hairdresser’ tressqu quddiem il-Maġistrat Charmain Galea. L-Ispettur Jonathan Ransley qal li kif waslu Malta mill-ewwel serqu xi affarijiet żgħar mill-ajruport.

L-irġiel minn Bucharest wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom fejn ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest minn naħa tad-difiża. L-Ispettur Jonathan Ransley qal li kien hemm diversi rapporti  u saru nvestigazzjonijiet dwar ‘pick pocketing’ f’San Ġiljan, diversi karozzi tal-linja u mill-ajruport. Qal ukoll li jirriżulta li l-irġiel kien diġa tressqu l-Qorti sentejn ilu.

Tenna li l-Pulizija stennewhom ġejjin lura u kif waslu l-ajruport internazzjonali ta’ Malta mill-ewwel serqu xi affarijiet żgħar. Huma ġew mixlija wkoll fuq ħasil ta’ flus u għalhekk saret talba biex jiġu ffriżati l-assi tagħhom. Dwar dan l-Avukat difensur Lennox Lewis qal li inutli jagħmel talba għal liberta proviżorja f’dan l-istadju jew jikkontesta t-talba għall-iffriżar tal-assi, anke għax m’għandhomx indirizz fiss.  

Allegatament l-akkużati jiffurmaw parti minn grupp ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali li jwettaq diversi serqiet. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-grupp ta’ kriminali jmorru fejn ikun hemm postijiet iffullati, l-iktar fuq karozzi tal-linja sabiex jużaw ir-rassa bħala għodda u jisirqu l-vittmi tagħhom.

Permezz tal-kunċett ta ‘Intelligence-Led-Policing’, il-Korp tal-Pulizija arrestaw u ressqu lir-Rumeni. L-investigazzjonijiet tmexxew b’mod konġunt bejn diversi Branki Speċjaliżżati u Distretti. Minn dawn l-investigazzjonijiet irriżulta li s-suspettati allegatament wettqu s-serq f’Malta fi ftit jiem matul ix-xhur tas-sajf illi għadda u telqu immedjatament għal pajjiż ieħor.

Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ pajjiżi barranin, flimkien mal-Europol u l-Interpol, irriżulta li l-persuni ilhom iwettqu dawn ir-reat f’diversi pajjiżi fl-Ewropa li jattiraw turisti mill-2010. Fil-fatt wieħed mir-Rumeni kien tressaq fuq dawn ir-reati wkoll fl-2010.

F’Mejju tal-2018 l-istess akkużati kienu ammettew li seraq kartiera li kien fih flus kontanti, dokumenti u oġġetti oħra ta’ valur mingħand il-mara u mbagħad ipprova jiġbed flus kontanti permezz tal-karta tal-kreditu tagħha. Dumitrescu waħdu ġie akkużat ukoll b’reċedività, minħabba kundanni preċedenti.

Huma kienu ġew identifikati minn CCTV meta kienu ppruvaw jiġbdu flus kontanti permezz ta ‘karta tal-bank misruqa. Dak iż-żmien il-Pulizija kienu segwew lis-suspettati sa Marsaxlokk u għaldaqstant ir-Rumeni mixlija jafu lil Malta sew. Sentejn ilu wara li ammettew Tenescu u Harabagiu marru ħames xhur ġabs, u Dumitrescu għal sitt xhur. Fil-każ riċenti l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Francesco Refalo u Jake Darmanin mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Jonathan Ransley Shawn Pawney u Tonjoe Farrrugia.