Lokali Qorti

8 snin ħabs fuq stupru u li hedded li jgħaddi filmati intimi tagħhom lis-sieħeb tagħha

Tmien snin ħabs għal raġel ta’ 48 sena mill-Floriana, li nstab ħati li stupra mara li ddeċidiet li twaqqaf relazzjoni intima miegħu. Huwa beda jheddidha u jġiegħha tagħmel atti sesswali kontra l-volontà tagħha u spiċċa wkoll jiffissa fuqha. F’każ totalment differenti minn oħrajn, ir-raġel kien jhedded lil mara li kienet f’relazzjoni, li jekk mhux se tkompli bir-relazzjoni sesswali miegħu kien se jitfa’ filmati fuq il-media soċjali biex is-sieħeb tagħha jkun jaf x’inhu għaddej.

Ir-raġel instab ħati ta’ stupru vjolenti mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li sar bejn Jannar u Awwissu tal-2017 u kienu diversi dawk l-okkażjonijiet fejn hija talbitu jieqaf mill-aġir tiegħu u minkejja dan baqa’ ma waqafx. Saħansitra kien hemm okkażjonijiet fejn anke seħħet vjolenza fiżika, li kaxkarha għall-ma’ l-art u ssokta bl-att.

Huwa nstab ħati wkoll ta’ ‘stalking’, permezz ta’ fittar żejjed ma ħallijiex bi kwieta u kkaġunalha biża. Il-mara qalet fil-Qorti li hija sfat vittma ta’ rikatt u ‘harassment, li wasslet biex tmaradha. Kienet ilha tipprova twaqqaf ir-relazzjoni miegħu iżda meta rat li ma riedx jaf, u minkejja li għarrfet li l-affarijiet setgħu jaggravaw minħabba l-atteġġjament ostili tiegħu.

Hija kienet iltaqgħet miegħu f’Lulju, 2016, meta waqqfet tkellmu. Bgħatilha fuq Facebook biex jiltaqa’ magħha w xi jiem wara marret ħadet kafè miegħu. Wara baqgħu f’kuntatt u meta beda juri nteress fiha w jagħtiha ċertu attenzjoni, magħdud mal-fatt li kienet għaddejja minn diversi problemi fil-ħajja privata tagħha, kienet tieħu pjaċir tiltaqa’ w tiftaħ qalbha miegħu.

Lejn l-aħħar t’Awissu, 2016, ir-relazzjoni żviluppat f’waħda intima, “Kien bil-kunsens tat-tnejn” iżda wara beda jsir “aktar ossessjonat. Kellu kwazi ghira, li ma kellux ghalfejn ikollu għax hu kien jaf li jiena għadni mal-partner”, hija qalet. Beda jibgħatilha rigali w dan ġiegħelha ‘to back off’ iżda hu rvella.

Ried jagħmel suwiċidju

Tant li meta darba fost l-oħrajn, fl-1 t’Ottubru, kienet mingħajr reception tal-mobile u b’hekk ma setgħetx twieġeb telefonati w messaġġi tiegħu, bgħatilha li kien ser juri l-messaġġi tagħha lil partner tagħha. B’dan il-messaġġ irrealiżżat li ma setgħetx tibqa ħbieb miegħu u minn hemm bdiet sensiela ta’ theddid li kienet tirċievi.

Meta f’Ottubru, 2016, beda joħroġ ma’ tfajla, xorta baqa’ jiffittaha u f’Diċembru baqaw ħbieb iżda hu kien jgħidilha “li jekk ma tkomplix miegħu, ħa jtemm hajtu, se jaghmel suwicidju”. Lejn l-aħħar ta’ Diċembru bidu ta’ Jannar, beda joħroġ ma ħabibitha w hi reġgħet qaltlu biex jieqfu mir-relazzjonijiet sesswali għaliex qatt ma kienet se titlaq lill-partner.

Ħareġ fil-Qorti li l-mara kienet bdiet relazzjoni intima mal-ħati fejn l-attivitajiet sesswali kienu jseħħu fl-uffiċju tiegħu l-Belt matul il-ġurnata. Qalet li fil-bidu ir-relazzjoni kienet kunsenswali. Hija kienet intebħet li l-attività sesswali miegħu kienet qed tiġi ffilmjata. Kienet rat ukoll ritratti li ntbagħtu lil oħtha.

Qalet li f’Awwissu tal-2017, biddlet in-numru tal-mobajl għax riedet taqta’ kull kuntatt. Madankollu baqa jipprova jkellimha, u bgħatilha diversi emails fuq tax-xogħol. Kemm il-mara kif ukoll ħabibitha xehdu kif kienu dejjem jsibu lir-raġel iħuf u jitlajja fil-viċinanzi fejn tkun qeda il-mara .

Ħabibitha xehdet: “li meta kienu joħorġu barra mill-uffiċċju, dejjem irid ikun x’ imkien fil-vicinanzi. “Malli nohorgu ghall-break, dejjem insibuh x’ imkien, u mhux il-Belt biss. Sa l-Exiles, tas-Sliema kien ikun, fejn tkun hi, u darba qabduh jiġbed ir-ritratti. Jispjegaw kif saħansitra kienet isibu kif tispiċċa mix-xogħol jistenniha.

L-Ispettur Jeffrey Scicluna, li flimkien mal-Ispettur John Spiteri mexxa l-Prosekuzzjoni semma’ il-vitmma għamlet rapport inizjali dwar ‘revenge porn’ wara li allegat li r-raġel bagħat ritratti w videos ta’ mumenti ntimi tagħhom fuq Facebook.

Meta x-xhud ra dawn il-videos intebaħ li dan ma kienx każ sempliċi ta’ ‘revenge porn’ iżda kien hemm elementi ta’ stupru. Il-mara wriet lill-Ispettur ‘chats’ minn fejn jirrizulta ċar u tond li ma riditx affari miegħu u riedet li jħalliha bi kwieta.

Stqarret li kienet tibża mis-sieħeb tagħha w għalhekk għamlet minn kollox biex ir-relazzjoni mal-ħati tibqa’ mistura; għalhekk “hu kien juza din il-biza sabiex igieghel lil mara jkollha x’taqsam miegħu”, qal ix-xhud.

Il-vittma kienet baqgħet tiltaqa’ miegħu darba fil-ġimgħa jew kull 15 fl-uffiċċju tiegħu. Meta oħta kienet irċeviet ritratti minn għandu, hawn il-mara ma felħitx aktar. L-Ispettur John Spiteri xehed li sema’ wkoll ir-rakkont tal-mara u saru tfittxijiet bl-għajnuna tas-Cybercrime Division fejn ġie elevat apparat elettroniku.;

Kien hemm filmati ta’ dak li kien isir fl-uffiċċju u camera nstabet f’post moħbi. Il-mara kienet tgħidlu biex jieqaf għax riedet ittemm ir-relazzjoni u kienet anke tibki u li kien qed ikissrilha ħajjitha. Il-Qorti eżaminat il-kondotta tal-imputat li qalet li hija ta’ tħassib.

Kondotta mżewwqa

Meta wieħed iqis is-serje sħiħa ta’ akkużi li ġie mixli bihom tul is-snin. Mhux talli l-imputat għandu fedina penali mżewwqa ghall-aħħar, iżda minnha jirrizulta li l-opportunitajiet kollha li ngħatawlu fil-passat ma servew għal xejn.

Kienu diversi l-okkażjonijiet fejn dan ingħata sanzjoni komunitarja, libertà kondizzjonata, sentenzi sospiżi w multi. L-imputat għandu storja ta’ inġurji w heddid, serq, offiżi fuq il-persuna, ksur ta’ garanziji.

L-’employment history’ tiegħu tixhed bniedem li bħal donnu ma jsaddad imkien, fejn għadu ma sabx postu fis-soċjetà. Dan kollu fil-fehma tal-qorti juri linstabilta tiegħu li tippervadi l-azzjonijiet tiegħu lil ‘hinn mid-dinja tax-xogħol. l-kondotta karatterizzata minn theddid u fastidju. Jidher bil-wisq evidenti li l-imputat ma jiddejjaq xejn jagħmel tiegħu dak li mhux, kif juru ddiversi kundanni ta’ serq mogħtija fil-konfront tiegħu.

Fil-fehma tal-Qorti, l-għemil bħal dak manifestat mill-imputat, juru biċ-ċar li sakemm jasal dak iż-żmien li l-imputat tassew irrijabilita ruhu, postu ċertament mhux fis-soċjetà. Hu mistenni li soċjetà tiġi protetta minn għemil daqshekk perikoluż, fejn ossessjoni ta’ bniedem irrendiet mara skjava għall-esiġenzi sesswali tiegħu.

Mara li kif xehdet għadha ssofri. minn sfreġju psikoloġiku w emozzjonali kawża tal-għemil tal-imputat. Dan tirrikonoxxieh l-istess uffiċjal tal-Probation meta ssemmi li meta iltaqgħet mal-vittma din insistiet magħha li ma riedet ebda kumpens mingħandu, iżda biss li ma jersaqx lejha qatt iżjed!

Fiċ-ċirkostanzi u in vista tal-provi miġjuba, ir-raġel għandu jiġi inkarċerat għal tmien snin Tul dan iż-żmien ta’ inkarċerazzjoni, hu mistenni li l-imputat jieħu kull trattament u kura disponibbli biex jagħraf jindirizza l-impulsivita` tiegħu, l-aktar ma’ persuni li jkun intimi magħhom.

B’hekk tkun qed tintlaqa’ anke rrakkomandazzjoni tal-uffiċjal tal-probation. Hekk biss nisa oħra li fuqhom tista’ taqa’ ħarstu fil-futur jiġu verament protetti minn predatur sesswali ta’ din il-kwalità. Il-Qorti poġġiet ukoll lill-ħati taħt Ordni ta’ Trattament għal żmien tliet snin abiex jingħata l-għajnuna psikoloġika li jinħtieġ.