Lokali

Ikompli l-iżbilanċ favur il-Partit Laburista fix-Xandir tal-Istat

L-Awtorità tax-Xandir s’issa għadha ma tħarrkitx dwar l-iżbilanċ kuljum mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS fil-mod li jiġu rrappurtati l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari meta mqabbel ma’ dak li jiġi rrappurtat dwar l-esponenti tal-Oppożizzjoni.

Għal darb’oħra, l-Erbgħa, terz tal-aħbarijiet kien kollu dwar messaġġi u attivitajiet li jorganizzaw il-membri tal-Kabinett. Min-naħa l-oħra, 2% biss tal-ħin kien dwar x’qed tgħid l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Nies midħla tax-xandir tkellmu ma’ NET News u saqsew jekk hix imparzjalità u trattament xieraq meta f’kull bulettin tal-aħbarijiet tal-PBS isiru kummenti u intervisti ma’ Ministri jew Segretarji Parlamentari u qatt ma jiġi ntervistat xi esponent tal-Oppożizzjoni.

L-Erbgħa, Television Malta għażel ukoll li jirrapporta live attività tal-Ministru tal-Finanzi dwar il-Baġit meta, skont sorsi, din l-attività tkun ippjanata u dawk li staqsew lill-Ministru kienu kollha bl-approvazzjoni tal-Ministeru. Il-PBS irrapporta biss dak li qal il-Ministru tal-Finanzi u dak li ried jgħid hu biss.

Esperti fix-xandir qalu li din il-prassi bla waqfien tmur kontra l-prinċipju tal-imparzjalità mnaqqax fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.