Għax irid li l-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-politika tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta regolarment proposti biex kull Malti u Għawdxi jgawdi l-aħjar servizz ta’ saħħa possibbli.
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi tmiem żjara fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u laqgħa mat-tmexxija tal-organizzazzjoni non-governattiva Puttinu Cares.
Fost l-oħrajn, hu fakkar fil-proposta tal-Partit Nazzjonalista li aktar mediċini jkunu fil-Formolarju ta’ Mediċini li jipprovdi l-Gvern għax ma jridx li l-pazjent ikollu jittallab, iżda li dan jingħata l-mediċini li jkunu tiegħu bi dritt.
Barra ċ-Ċentru, Bernard Grech ntlaqa’ miċ-Chairman tal-organizzazzjoni, it-Tabib Victor Calvagna, mill-Kap Eżekuttiv Renee Zerafa u mill-Viċi Chairperson Angele Cuschieri, li matul laqgħa spjegawlu l-ħidma ma taqta’ xejn li ilhom jagħmlu għal dawn l-aħħar 18-il sena.
Mal-ġurnalisti, it-Tabib Calvagna rringrazzja l-impenn tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista għax qal li bi żjarat bħal dawn, il-politiċi jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-ħidma li ssir f’qasam sensittiv bħal dan. Hu fakkar fil-proġett li qed taħdem fuqu Puttinu Cares biex tinbena binja aktar ċentrali f’Londra, li minnu jgawdu l-pazjenti li jżuru l-kapitali Ingliża għat-trattament kontra l-kanċer.
Min-naħa tiegħu, Bernard Grech faħħar il-ħidma ta’ Puttinu Cares u għaqdiet oħrajn, li qal li tmur id f’id mal-ħidma li jagħmlu l-professjonisti fis-settur mediku.
Bernard Grech fakkar ukoll kif il-kura tas-saħħa dejjem kienet għal qalb il-Partit Nazzjonalista, biċ-Ċentru tal-Onkoloġija mibni fl-aħħar leġislatura ta’ Gvern Nazzjonalista hu wieħed mill-kullana ta’ monumenti li wera dak l-impenn.
Hu qal li b’dan iċ-Ċentru, il-professjonisti li jaħdmu fil-qrib mal-pazjenti li jbatu mill-marda tal-kanċer jistgħu jaħdmu f’ambjent isbaħ, iżda anke aktar professjonali qrib il-faċilitajiet li jipprovdi l-Isptar Mater Dei.
Matul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumkpanjat mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri u l-Kandidati għall-elezzjoni ġenerali Ian Vassallo u Emma Portelli Bonnici.
//= $special ?>