Sport Sport Ieħor

It-tim tan-nisa ta’ taħt is-17-il sena jirbħu l-Atlas Atleta żagħżugħa tax-xahar għal Awwissu 2021

It-tim nazzjonali tan-nisa ta’ taħt is-17-il sena tal-Waterpolo rebħu l-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-xahar għal Awwissu 2021. It-tim immexxi mill-kowċ Anthony Farrugia kellu prestazzjonijiet tajbin fl-ewwel esperjenza ta’ tim nazzjonali tan-nisa tal-waterpolo f’Kampjonati Ewropej.

Malta kienu fi Grupp C flimkien mal-Kroazja, mal-Ġermanja, mar-Rumanija u mar-Russja. Minkejja li tilfu l-ewwel żewġ partiti kontra l-Kroazja u l-Ġermanja, iż-żgħażagħ Maltin kisbu riżultat meritat kontra r-Rumanija bl-iskor ta’ 11-8. It-tim Malti imbagħad lagħab kontra l-Bulgarija biex tkun deteriminata l-klassifikazzjoni finali, bil-Maltin joħorġu rebbieħa 10-9 u jtemmu fil-15-il post.

It-trofew kien preżentat minn Matthew von Brockdorff, id-direttur maniġerjali u s-CEO ta’ Atlas Insurance, fil-preżenza tal-President tal-Għaqda Ġurnalisit Sport Sandro Micallef, il-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-amministratur Stephen Azzopardi.