Lokali

L-IĠM jitlob il-kundanna tal-Prim Mnistru dwar theddid fuq il-ġurnalisti

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fi stqarrija esprima t-tħassib tiegħu dwar l-istqarrija li għamel Manuel Delia li se jħalli Malta għax imbeżża’ li qieghed f’riskju.

L-IĠM qal li mhu kompitu ta’ ħadd li jiġġudika jekk din il-biża’ hijix ġustifikata jew le. L-assassinju ta’
Daphne Caruana Galizia ittrawmatizza l-industrija tal-media f’Malta u bħala ġurnalisti naħdmu
kuljum bl-għarfien li hemm nies perikolużi hemm barra li huma lesti li joqtlu lill-ġurnalisti.
Dik il-ferita se tibqa’ sakemm il-ġustizzja ssir b’mod sħiħ, sostna l-Istitut.

Filwaqt li x-xogħol tal-ġurnalisti għandu jkun suġġett għall-kritika u skrutinju, hemm linji ta’
diċenza bażika umana li qatt m’għandha tinqabeż. Bħal kull persuna oħra, il-ġurnalisti
għandhom id-dritt u r-responsabbiltà li jiżguraw li huma u l-familji tagħhom huma sikuri kompla jgħid l-IĠM.

Iktar mal-ambjent li jaħdmu fih ikun tossiku u perikoluż, iktar jiżdied ir-riskju li ġurnalisti
jiddeċiedu li jitilqu mill-professjoni sostnew l-IĠM. Fl-aħħar mill-aħħar, il-vittma vera tkun is-soċjetà Maltija
għax id-dritt għall-informazzjoni jkun imxekkel.

L-IĠM ħeġġeġ lill-pulizija biex tinvestiga bis-sħiħ it-theddid li qed jirċievi Manuel Delia u
nitolbu lill-Prim Ministru Robert Abela u kulmin għandu sehem fit-tmexxija tad-demokrazija
biex pubblikament jikkundannaw dan l-aġir fl-ispirtu li r-raba’ pilastru tad-demokrazija ħaqqu
jkun protett.

L-IĠM għalaq billi esprima solidarjetà Manuel Delia u l-familja tiegħu.