Edukazzjoni Lokali

L-MUT f’tilwima industrijali mal-Gvern dwar l-għalliema peripatetic

Il-Union tal-għalliema, l-MUT, iddikkjarat tilwima industrijali hekk kif l-għalliema minn nhar it-Tnejn jidħlu lura fl-iskejjel tal-Istat.

Jidher li għal sena oħra, il-Gvern ma ħasibx biex ikun hemm biżżejjed għalliema biex l-istudenti jibdew is-sena skolastika kif suppost. Dan kien ikkonfermat mill-fatt li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni qed jeżiġi li għalliema peripatetic jew dawk li jgħallmu suġġetti bħax-xjenza, id-drama, l-arti, il-PSCD, l-IT, il-mużika u aktar minflok jgħallmu dawn is-suġġetti, jitpoġġew fi klassijiiet primarji.

Dan mhux aċċettabbli għall-Union li mhijiex taqbel lanqas mal-Ministeru dwar in-numru ta’ klassijiet żejda li jinħtieġu biex ikunu rrispetati l-protokolli tas-saħħa. L-MUT qalet li l-informazzjoni li ngħatat mill-Ministeru tikkontradixxi dak li qed jgħid il-Ministeru tas-Saħħa.

L-MUT esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li l-Ministeru jrid li għadd kbira ta’ għalliema peripatetic ikunu ngaġġati fil-klassijiet għalies dan se jfisser li l-istudenti fil-primarja se jkollhom servizz fjakk ferm għal dawk li huma lezzjonijiet ta’ suġġetti varji u servizzi kumplimentarji oħra.

L-MUT appellat lil għalliema ta’ dawn is-suġġetti li jkunu avviċinati mid-Direttorat biex jieħdu klassi tal-primarja sabiex ikellmu lill-Union.