Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni ma tarax raġuni valida għaliex laqgħa ta’ Kumitat issejħet qabel jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament

L-Oppożizzjoni ħasset li ma kellix tattendi għal laqgħa tal-kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għax ma setgħet tara ebda raġuni valida għalfejn din il-laqgħa kellha tissejjaħ qabel ma jerġa jiltaqa’ l-Parlament fl-4 ta’ Ottubru.

F’messaġġ li l-Viċi Kap tal-Partit għall-Affarijiet Parlamentari, David Agius, bagħat qabel il-laqgħa tal-lum, lis-Segretarja tal-Kumitat Parlamentari osserva li ma jarax l-urġenza li din il-laqgħa għandha issir f’din id-data, kif daqstant ieħor il-Membri tal-Gvern ma ħassewx li kellhom isiru laqgħat oħra ta’ kumitati parlamentari oħra waqt li l-Paralment kien qiegħed f’waqfa sal-4 t’Ottubru 2021.

Peress li l-Gvern baqa’ għaddej xorta waħda b’din il-laqgħa, l-Oppożizzjoni ħasset li ma kellix tattendi għall-istess laqgħa.

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma josservax ukoll li matul il-waqfa għas-sajf kien talab biex il-Parlament jitlaqqa’ biex jiddidkuti affarijiet ferm aktar urgenti, mhux lanqas mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Edward Zammit Lewis kif ukoll il-fatt li tort tal-Gvern, Malta spiċċat fuq il-lista l-griza bi hsara kbira ghar-reputazzjoni ta’ pajjiżna li jixraqlu ferm aħjar. Il-Gvern kien għażel li jinjora dawn it-talbiet.