Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni

Raġel ta’ nazzjonalità barranija li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa spiċċa jissielet għal ħajtu wara li waqa’ madwar sular u nofs waqt li kien qiegħed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni.

Il-każ seħħ fis-7.30 tal-Ħamis filgħodu fi Triq Ħal Farruġ, fis-Siġġiewi bil-vittma jkollu bżonn l-assistenza immedjata minn tim mediku tal-ambulanzi kif ukoll tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn aktar tard ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud li ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.