Edukazzjoni Lokali

Studenti li se jkomplu l-korsijiet se jkunu jistgħu jattendu l-Università fiżikament

L-istudenti Universitarji li se jkunu qed ikomplu l-korsijiet terzjarji se jkunu qed jirritornaw fuq il-Kampus it-Tnejn li ġej għas-sena akkademika 2021-22.

Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Università, fejn ingħad ukoll li matul il-ġimgħa d-dieħla se tittella’ l-Freshers’ Week, biċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni se ssir it-Tnejn ta’ wara, l-4 ta’ Ottubru, u l-lectures jibdew it-Tnejn ta’ wara, il-11 ta’ Ottubru.

Id-dettalji tħabbru wara li kienu kkonfermati f’laqgħa tas-Senat li nżammet illum. L-aħħar żviluppi qed iseħħu wara li l-pandemija tal-Covid-19 wasslet biex sentejn akkademiċi raw il-lecutres imfixklin mill-kuntatt fiżiku, iżda saru esklussivament online.

Iżda għal din is-sena, l-Università ta’ Malta rat li l-lezzjonijiet jistgħu jinżammu b’mod fiżiku bl-użu wkoll ta’ aktar spazji fil-Kampus. Fl-istess waqt, minħabba li wħud mill-Fakultajiet għandhom mijiet ta’ studenti, l-Università rat li jkun introdott il-kunċett “P-R” (‘physical-remote), fejn il-klassijiet il-kbar setgħu jinqasmu fi gruppi li jalternaw il-preżenza fiżika tagħhom mal-online.

L-Università spjegat li l-istudenti qed ikunu kontinwament aġġornati mill-Fakultajiet, l-Istituti, iċ-Ċentri jew l-Iskejjel rispettivi dwar kif se tkun qed taħdem is-sena akkademika l-ġdida. Dan filwaqt li se jkunu qed jiġu ppubblikati protokolli aġġornati tal-Covid-19 ħalli jaraw li r-regolamenti kollha jkunu qed jiġu segwiti.